Sport Sport Ieħor

Qbil bejn Anthony Joshua u Tyson Fury għal żewġ ġlidiet boxing probabbilment fl-2021

(Ritratti: EPA)

Il-promotur Eddie Hearn ikkonferma li Anthony Joshua u Tyson Fury laħqu ftehim finanzjarju għal żewġ ġlidiet. Id-dwell bejn dawn it-tnejn ilu jissemma għal diversi snin iżda għal xi raġuni din il-ġlieda naqset milli sseħħ. Dawn iż-żewġ ġlidiet għandhom itemmu d-dibattitu dwar liema hu l-aqwa Britanniku minn żmien Lennox Lewis.

Joshua għandu t-titli heavyweight IBF, WBA u WBO wara li għeleb lil Andy Ruiz Junior fl-Arabja Sawdija f’Diċembru li għadda, f’dik li kienet it-tieni ġlieda bejniethom. Fuq in-naħa l-oħra, Fury għeleb lil Deontay Wilder fi Frar li għadda biex rebaħ it-titlu dinji WBC.

“Qed nimxu fid-direzzjoni t-tajba. Ninsab kunfidenti li ż-żewġ irġiel approvaw biex il-ġlieda sseħħ.” Hearn kompla li għad fadal dettalji biex kollox jiġi konkluż, fosthom id-dati u l-postijiet tal-ġlidiet. Hu kkonferma li qabel ma jseħħu dawn il-ġlidiet, Joshua għad irid jiġġieled kontra Dillian Whyte u għalhekk mistenni li l-ġlidiet kontra Fury se jseħħu fl-2021.