Lokali Qorti

Raġel bi problema ta’ droga mixli b’serq jinżamm arrestat

Raġel minn Bormla bi problema serja ta’ droga nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li seraq diversi oġġetti minn karozza pparkjata f’Ħal Qormi.

L-Ispettur Roderick Agius qal li meta huwa arresta lil Michael Azzopardi ta’ 38 sena filwaqt li m’ammettiex mal-Ispettur li huwa wettaq din is-serqa, qallu – “din tentufa, jien ‘hold-up’ irrid nagħmel”.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti Azzopardi allegatament seraq nuċċali u xi muniti li kienu fil-karozza propjetà ta’ mara. Il-Prosekuzzjoni li xliet lil Azzopardi li sar ukoll reċediv qalet li l-akkużat intlemaħ minn xi Pulizija pajżana għaddejjin minn Triq l-Iljun fejn kienet ipparkjata l-karozza, u raw lil Azzopardi għarkuptejh ħdejha. Dan kien nhar it-Tlieta li għaddew għall-ħabta tat-3.00pm.

L-Avukat Raissa Colombo li deheret għall-akkużat għamlet it-talba għal libertà proviżorja minħabba l-fatt li għadu preżent bħala persuna innoċenti bl-Ispettur Agius ma jaqbilx minħabba l-fatt li għad trid tixhed il-vittma fil-każ.

Il-Qorti qalet li jrid ikun hemm bilanċ u difiża għas-soċjetà kontra persuni li jiksru l-liġi billi jwettqu s-serq u mhux sew li hemm persuni li jiksru l-liġi u li dawn  ma jagħtux każ id-direzzjoni tal-Qorti biex jingħtaw l-għajnuna li teżisti.

Għaldaqstant il-Qorti qalet li kienet qed tiċħad it-talba għal libertà proviżorja. Sadanittant meta ntemm il-każ u waqt li l-akkużat kien qed jinħareġ mill-awla biex jittieħed il-ħabs, għadda xi rimarki lejn il-Qorti, bil-Maġistrat jitlob lill-Pulizija biex idaħħluh lura fl-awla u dan jiġi mmultat €200 għal disprezz.