Lokali Unjoni Ewropea

“Realtà li rridu nindirzzaw” – David Casa maħtur rapporteur dwar fondi għal dawk fil-bżonn

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa nħatar rapporteur tal-Grupp PPE għall-bidla fir-regoli li se jippermettu flessibilità fl-użu tal-FEAD – il-Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn – bil-għan li tingħata assistenza aħjar lil dawk l-aktar li ntlaqtu ħażin mill-pandemija tal-COVID-19.

F’reazzjoni għal din il-kariga, Casa qal: “Anke qabel il-pandemija COVID-19, kellna numru ta’ persuni madwar l-Ewropa li ma kellhomx aċċess għal affarijiet essenzjali, bħall-ikel u l-ħwejjeġ. Bla dubju, ż-żieda fil-qgħad u l-isfidi ekonomiċi li qed nesperjenzaw bħalissa, u li jinħassu f’diversi Stati Membri, se jwasslu għal żieda fin-nies u familji li qed jiffaċċjaw dawn id-diffikultajiet. Din hi realtà li rridu nindirizzaw b’mod immedjat.”

Il-FEAD hu wieħed mill-aktar għodod importanti tal-UE li jipprovdi għajnuna, bħal ikel, ħwejjeġ u affarijiet tal-iġjene lil dawk l-aktar vulnerabbli. L-Istati Membri huma liberi li jagħżlu huma x’tip ta’ assistenza jagħtu, li mbagħad tiġi approvata mill-Kummissjoni Ewropea. Per eżempju, f’Malta, dawn il-fondi jintużaw biex jipprovdu pakketti ta’ ikel lil ċertu familji li huma fil-bżonn. Il-bidla fir-regoli li se jkun qed jinnegozja l-MEP Casa se twassal għal żieda fir-riżorsi għal din is-sena u s-sentejn li ġejjin.

Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew Casa żied jgħid: “Riċentement, rajna l-Kummissjoni Ewropea titkellem dwar il-proposta ta’ €750 biljun biex tassigura rkupru sostenibbli, inklussiv u ġust mill-COVID-19. Dan hu tajjeb u importanti, imma individwi li ma jaffordjawx ikel u ħwejjeġ m’humiex interessati fil-biljuni li pproponiet il-Kummissjoni, imma f’għodod li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom illum. Dan hu rwol tal-Parlamentari, u aħna se nassiguraw li din l-għajnuna tasal għand dawn in-nies malajr kemm jista’ jkun.”

Bħalissa, l-MEP Casa hu wkoll ir-Rapporter tal-Parlament għall-Fond Soċjali Ewropew Plus, u bħalissa għaddej b’negozjati mal-Kunsill tal-Ministri biex jassigura li dan il-fond jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-FEAD hu wieħed mill-għodod finanzjarji li jifforma parti mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, li jġib flimkien ukoll l-Inizjattiva tax-Xogħol għaż-Żgħażagħ u l-Programm tal-UE għax-Xogħol u l-Innovazzjoni Soċjali.