Lokali

Robert Abela tkellem ma’ Cardona…imma ma keċċiehx

Tidher imminenti r-riżenja ta’ Chris Cardona mill-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Iltqajt ma’ Cardona u ddiskutejt dil-materja

Fl-isfond ta’ dak li qed joħrog mix-xhieda fil-Qorti dwar Cardona, dalgħodu, fi tweġibiet lill-media dwar x’se jagħmel bl-eks Ministru tal-Ekonomija, li sal-lum huwa s-second in command fil-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal li Chris Cardona “bid-deċizjonijiet li mistenni li jieħu mhux se jagħmel ħsara lill-Partit Laburista”.

Fit-tweġiba tiegħu, Abela qal speċifikament, li hu ltaqa’ ma’ Cardona biex jiddiskuti propju din il-kwestjoni. Minkejja din il-laqgħa, hu ma qalx li ħa xi tip ta’ passi fil-konfront tad-Deputat Mexxej.

Il-media tistaqsi dwar il-futur ta’ Cardona fil-Partit Laburista

Robert Abela qed iħabbat wiċċu kontinwament ma’ mistoqsijiet mill-media indipendenti dwar x’se jagħmel b’Cardona. Dan meta isem id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista issemma’ kemm-il darba fl-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn intqal li n-numru tiegħu kien l-uniju wieħed li nstab f’burner phone li nstab b’rabta mad-delitt.

Ma’ Lawrence Cutajar mod… ma’ Chris Cardona mod ieħor

Minkejja dan, sa issa, Robert Abela baċa’ ċass quddiem dan kollu, u filwaqt li ħa passi immedjati fil-konfront tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, meta nhar it-Tnejn issospendih mill-kariga ta’ konsulent, wara li wkoll issemma’ fil-Qorti b’rabta mal-istess każ, Cardona baqa’ jżomm postu fit-tmexxija tal-Lejber.

Issa jidher li Cardona jinsab taħt pressjoni qawwija biex jirriżenja minn postu fit-tieni l-ogħla kariga fi ħdan il-Partit Laburista, “biex ma jagħmilx ħsara lill-Partit”.