Sport Sport Ieħor

Roger Federer se jitlef il-kumplament tal-istaġun 2020

(Ritratt: EPA)

Roger Federer ħabbar li se jitlef il-kumplament ta’ dan l-istaġun wara li għamel operazzjoni oħra fl-irkoppa tal-lemin. L-Iżvizzeru ta’ 38 sena ilu ma jilgħab tennis kompetittiv minn meta kien eliminat minn Novak Djokovic fis-semifinali tal-Open tal-Awstralja.

Fi Frar, Federer għamel l-operazzjoni fl-irkoppa l-leminija u kien mistenni jitlef il-kumplament tal-istaġun fuq it-tafal. Iżda minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-logħob kollu ġie sospiż, b’rapporti jgħidu li Federer seta’ jirritorna meta jkun permess li jerġa’ jibda l-logħob kompetittiv.

Iżda f’messaġġ fuq il-media soċjali, Federer ikkonferma l-operazzjoni wara xi komplikazzjonijiet fil-perjodu inizjali tar-rijabilitazzjoni. Hu żied li jinsab ħerqan li jara lil kulħadd fit-tour ATP fil-bidu tal-istaġun tal-2021. It-tour tal-ATP jinsab wieqaf tal-anqas sal-aħħar ta’ Lulju minħabba l-pandemija, bl-Open tal-Istati Uniti u l-Open ta’ Franza mistennija jsiru wara xulxin f’Awwissu u Settembru.

Novak Djokovic esprima aktar dubji dwar il-possibbiltà li l-Open tal-Istati Uniti jsir lejn tmiem Awwissu, jiem wara li n-numru wieħed tad-dinja saħaq li jkun impossibbli li xi ħadd jilgħab taħt il-prokolli tas-sigurtà li hu sejjaħ bħala estremi.