Internazzjonali

Stati Uniti: Sejħa għal ġustizzja razzjali waqt il-funeral ta’ George Floyd

Il-funeral ta’ George Floyd — iċ-ċittadin Afrikan Amerikan li l-qtil tiegħu taħt idejn il-pulizija qajjem għadab kbir fl-Istati Uniti u madwar id-dinja – kien karatterizzat bl-appelli għal impenn akbar lejn il-ġustizzja razzjali.

Is-servizz għal Floyd sar fil-knisja ‘Fountain of Praise’ fil-belt ta’ Houston (f’Texas) fejn attendew il-mijiet tan-nies, inklużi politiċi u personalitjiet ċelebri.

Floyd kien tilef ħajtu fil-belt ta’ Minneapolis, fil-25 ta’ Mejju, wara li Derek Chauvin, pulizija abjad, kien żammu mal-art, b’irkupptejh magħfus fuq għonqu, għal talanqas disa’ minuti. L-azzjoni nqabdet fuq filmat li kien l-ixprun għall-mewġa ta’ għadab li għadha tinħass sallum fl-Istati Uniti u ‘il hinn minnha.

In-nies li tkellmu waqt is-servizz fil-knisja fakkru lir-raġel li ‘l-unika reat tiegħu kien li twieled iswed’.  Intant, waħda min-neputijiet ta’ Floyd, Brooke Williams, sejħet għal bidla fil-liġijiet ‘li twaqqfu biex jiżvantaġġjaw lis-suwed’.

L-eks Viċi-President Amerikan Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku li f’Novembru se jikkuntesta għall-White House, indirizza lin-nies preżenti b’ video-message u qal li ‘il-pajjiż ikun qabad tassew it-triq lejn il-ġustizzja razzjali ladarba ssir il-ġustizzja fil-każ ta’ George Floyd’.

Biden ikkritika bl-aħrax lill-President Amerikan Donald Trump waqt il-kriżi ċivili attwali fl-Istati Uniti u fejn akkużah dwar ‘kummenti spekulattivi dwar George Floyd li ma jistgħu qatt ikunu aċċettati’.

George Floyd indifen f’ċimiterju ta’ Pearland, fin-nofsinar ta’ Houston – bil-katavru jitwassal hemmhekk permezz ta’ karozzell miġbud miż-żwiemel.