Futbol Sport

Tajna l-libertà b’qafas regolatorju ġdid – Bjorn Vassallo, President tal-MFA

(Ritratt: Joe Borg)

“Ftaħna s-suq u ġejna konformi mar-regoli. Tajna l-libertà b’qafas regolatorju ġdid.” Kliem il-President tal-MFA Bjorn Vassallo f’konferenza stampa b’reazzjoni għall-vot tat-Tnejn li għadda fil-Kunsill tal-MFA hekk kif finalment tneħħew il-parametri fil-futbol lokali. Il-vot tat-Tnejn li għadda kellu jsir fl-14 ta’ Marzu li għadda iżda l-laqgħa ġiet posposta minħabba l-pandemija. Bjorn Vassallo qal li din il-bidla hi parti minn proċess ta’ riformi li jiggarantixxu żvilupp sostenibbli, fosthom ir-riformi fl-istatus tal-klabbs u r-riforma fl-istatut.

Il-mixja biex tneħħew il-parametri tal-plejers tmur lura għas-sena 2011 meta dak iż-żmien kien intlaħaq ftehim fi Brussell b’għan li jkun irrispettat il-moviment ħieles tal-plejers. Inċidentalment, f’dik is-sena stess, f’pajjiżna twaqqfet il-Malta Football Players Association, sinjal ta’ pressjoni li bdiet issir lokalment.

Il-UEFA ħolqot id-Djalogu Soċjali filwaqt li f’pajjiżna f’dak iż-żmien, il-Kummissarju tat-Tfal ta’ dak iż-żmien Helen D’Amato, ukoll kienet irrimarkat dwar in-nuqqas ta’ ħelsien fil-moviment tat-tfal minn klabb għal ieħor. Fl-istaġun li għadda, il-FIFA daħlet b’mod attiv fis-sitwazzjoni u stiednet lill-MFA biex tagħlaq l-obbligi li kellha fid-Djalogu Soċjali, hekk kif Malta kienet wieħed mill-uniċi pajjiżi li timponi restrizzjonijiet fuq il-plejers.

Meta mistoqsi minn netnews.com.mt, il-President tal-MFA saħansitra qal kieku l-vot kien fin-negattiv, l-MFA setgħet tkun miftuħa għal sanzjonijiet fosthom li t-tim nazzjonali ma jkunx jista’ jilgħab. Hu indirizza wkoll mistoqsija dwar id-dewmien biex dawn ir-regolamenti nbidlu, b’Vassallo jgħid li dan kien proċess gradwali li bdiet fl-2015 b’riforma dwar ir-Regolament dwar l-Istat u t-Trasferiment tal-Plejers.

(Ritratt: Joe Borg)

Fost l-aktar bidliet sinifikanti dwar it-trasferiment tal-plejers

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti sejjaħ dan il-perjodu bħala “proċess li kulħadd irid jiffamiljarizza ruħu miegħu.” Il-bidla prinċipali hi li hekk kif kuntratt jispiċċa, il-plejer hu liberu li jissieħeb ma’ klabb tal-għażla tiegħu mingħajr ebda restrizzjoni.

Għalkemm issa l-MFA hi konformi mar-regoli tal-FIFA f’dan is-settur, għad hemm setturi li l-FIFA tħalli libera lill-MFA kien tapplika r-regoli. Fosthom semma kif plejer professjonali full-time jista’ jittermina l-kuntratt bi 15-il ġurnata notifika wara li jagħmel xahrejn bla salarju, filwaqt li l-istess sitwazzjoni hi rigward il-plejers professjonali part-time, bid-differenza li flok xahrejn, l-istennija hi wara erba’ xhur. Jekk plejer jikser il-kuntratt li jkollu irid iħallas id-dani skont kemm ikun fadallu kuntratt, jekk kien hemm somma mat-trasferiment meta nxtara u dak magħruf bħala t-training compensation.

Angelo Chetcuti qal li t-transfer list tneħħiet filwaqt li naqset l-importanza tar-Retained List u meta plejer idum 30 xahar mhux attiv, ma jibqax fuq il-kotba tal-klabb. Chetcuti qal ukoll li b’dawn il-bidliet, plejer irid jagħżel jekk ikunx fis-sistema tal-kampjonati jiġifieri sat-Tielet Diviżjoni jew ikun parti mit-timijiet Non-League. Aspett ieħor importanti hu t-training compensation. Meta plejer jingħata l-ewwel kuntratt professjonali, il-klabbs li kien magħhom bejn minn meta kellu bejn 12 u 21 sena, jingħataw kumpens.