Knisja Lokali

Tħejjijiet biex iċ-ċerimonji tal-Griżma jsiru qabel

Anke l-Preċett mistenni jsir f'Lulju

Il-Knisja f’Malta qed tħejji sabiex il-funzjonijiet tas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof jiġu antiċipati. Dan ifisser li minn Novembru, kif oriġinarjament pjanat, hemm ħsieb konkret li jsiru f’Lulju, fi ftit ġimgħat oħra.

Persuni li tkellmu ma’ dan is-sit sostnew li diġà rċevew karta uffiċjali d-dar sabiex jiġu informati li uliedhom ma kienux ser jagħmlu l-Griżma tal-Isqof fil-Ħarifa iżda fi ftit ġimgħat oħra.

Kelliem għall-Kurja sostna ma’ NET NEWS li d-dati tal-Griżma, amministrata mill-Isqof jew id-delegat tiegħu, għadhom qed jiġu ppjanati – b’aktar dettalji mistennija jitħabbru fid-direttivi l-ġodda fil-jiem li ġejjin.

Dan filwaqt li spjega li fir-rigward tal-Ewwel Tqarbina, kull kappillan ser jiddeċiedi meta din iċ-ċelebrazzjoni tkun tista’ ssir la darba d-direttivi l-ġodda li qed iħejju jiġu ppublikati.

Ġenituri li tkellmu magħna saħqu li dan il-pass jidher li qed isir sabiex il-Knisja tantiċipa dik li numru ta’ esperti qed jiddeskrivu bħala t-tieni mewġa tal-pandemija tal-Covid-19 li hemm il-possibilità li terġa’ tolqotna meta t-temperaturi jerġgħu jiksħu.