Internazzjonali Lokali

Żviluppi fil-kriżi tal-Covid-19: Twissija li l-pandemija ‘għadha magħna’ fost sinjali ħżiena għall-ekonomija tad-dinja

It-tabib Anthony Fauci, espert dwar il-coronavirus (Covid-19) ġdid u konsulent ewlieni għall-White House tal-Istati Uniti, wissa biċ-ċar li ‘din il-pandemija għadha magħna u ma spiċċatx’. Fauci, li kien qed jindirizza konferenza, enfasizza li l-kriżi hi ‘l-akbar ħmar-il lejl li qatt seta’ jimmaġina’ u li l-effetti tal-Covid-19 ħallew impatt devastanti fuq id-dinja f’perjodu ta’ erba’ xhur biss.

Hu fakkar li f’dan il-perjodu, id-dinja rat miljuni fuq il-miljuni ta’ infezzjonijiet mill-coronavirus ‘li splodew f’qasir żmien’.

Intant, Fauci qed jattribwixxi l-firxa tal-Covid-19 għall-‘kapaċità (qawwija) tal- virus biex tinfetta lin-nies’ u l-ivvjaġġar ta’ persuni infettati li ma jurux sintomi.

Madankollu, Fauci jinsab konvint li, ‘il quddiem, jinstab vaċċin għal din il-marda qerrieda.

Skont il-Johns Hopkins University, li hu bbażat fl-Istati Uniti, hemm ‘il fuq minn seba’ miljun każ ta’ infezzjoni madwar id-dinja. Sallum, fiequ mat-3.37 miljuni, b’aktar minn 411,000 jitilfu ħajjithom b’konsegwenza tal-Covid-19.

Sadanittant, il-Mexxejja tal-Ġermanja, Franza u  pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea qalu li r-reazzjoni mill-Unjoni għall-kriżi ‘qed tqajjem id-dubji dwar kemm (l-Unjoni) hi preparata għall-pandemija li jmiss’. Huma ħeġġew biex l-Ewropa tħejji ruħha aħjar ‘għal dak li jista’ jiġri fil-futur’.

Fl-istess ħin, rapport ġdid wissa li l-pandemija tista’ twassal biex ħafna pajjiżi jitilfu ‘l-introjtu mill-iżvilupp’ għal numru ta’ snin. Ir-rapport mill-Organization for Economic Cooperation and Development (OECD) wissa li l-impatt tal-coronavirus u l-lockdowns se jkun ‘ħażin għal kulħadd’ – bl-ekonomija globali mistennija tonqos bi kważi tmienja fil-mija din is-sena.

F’każ li ma jkunx hemm ‘tieni mewġa’ tal-Covid-19 ( u perjodu ġdid ta’ lockdowns) l-OECD tistenna li l-ekonomija tad-dinja tonqos b’sitta fil-mija, bil-pajjiżi kollha jsofru riċessjoni ‘sinifikanti’ li bil-mod biex jirkupraw minnu.

Il-Professur Clifford Stott, konsulent xjentifiku u espert fil-psikoloġija soċjali ma’ Keele University, wissa li r-Renju Unit, dan is-sajf, jista’ jgħaddi mill- irvellijiet minħabba l-effetti tal-Covid-19. Stott qal li t-telf tax-xogħol fuq skala massiċċ, żieda fiċ-ċifri tal-qgħad u tħassib dwar l-inugwaljanzi ekonomiċi u razzjali kapaċi jwasslu għal ‘numru ta’ konfronti jaħarqu fit-toroq tal-ibliet’.

Fi żviluppi oħra…

Fil-media soċjali taċ-Ċina spikkaw messaġġi ta’ rabja dwar il-pjani biex jerġa’ jinfetaħ il-konsulat tal-Istati Uniti f’Wuhan – eks epiċentru globali tal-virus. L-Amerikani ħabbru li se jkomplu ‘bl-attivitajiet konsulari’ f’Wuhan fit-22 ta’ Ġunju, iżda l-abbonati Ċiniżi qalu li ‘mgħandhomx pjaċir bil-preżenza tal-uffiċjali Amerikani f’dik il-belt’. Dan meta l-pandemija tal-Covid-19 fl-aħħar jiem wasslet għal kriżi ġdida fir-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti.

Fl-Italja, ħamsin qraba tal-vittmi tal-Covid-19 ressqu ilmenti uffiċjali dwar il-mod kif l-awtoritajiet ikkonfrontaw il-coronavirus – b’dan il-pass legali jkun l-ewwel fuq bażi ta’ grupp, fil-pajjiż. Dan meta nħoloq grupp fuq Facebook ‘bil-għan li javviċina persuni li l-għeżież tagħhom mietu bl-infezzjoni fid-djar għall-anzjani’. L-ilmenti tressqu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Bergamo,  waħda mill-ibliet li ntlaqtet l-agħar mill-coronavirus, bil-grupp jinsisti li ‘qed ifittex il-ġustizzja u mhux li jivvendika ruħu fiċ-ċirkustanzi’.

Il-Kap tal-Pan-American Health Organization (PAHO), Carissa Etienne, wissiet li l-Covid-19 qed jinfirex ‘b’mod allarmanti’ fl-Amerika Latina. Skont Etienne,  l-agħar pajjiżi affettwati jinkludu l-Brażil, il-Peru u ċ-Ċile, bir-rata tal-infezzjoni qed iżżid ukoll f’pajjiżi bħall-Veneżwela u Haiti.

Is-Slovakkja fetħet il-fruntieri għal aktar minn sittax-il pajjiż mill-Ewropa. L-awtoritajiet Slovakki qed ineħħu wkoll regoli ta’ kwarantina għan-nies li jkunu qed jivvjaġġaw minn 19-il pajjiż meqjusa bħala ‘low risk’, fiċ-ċirkustanzi.

L-Awstrija qed tneħħi r-restrizzjonijiet mal-fruntiera tal-Italja, bil-ħteġiet ta’ kwarantina għal aktar minn 20 pajjiż Ewropew se jispiċċaw mis-16 ta’ Ġunju.

L-Awstrija diġà fetħet il-fruntiera mal-Ġermanja u l-aħħar pass minn Vienna se jkollu effett akbar għall-Awstrijaċi li se jkunu jistgħu jirritornaw minn btajjel tas-sajf f’pajjiżi bħall-Italja u l-Kroazja mingħajr ma jkollhom jgħaddu żmien fi kwarantina inkella juru provi ta’ test negattiv għall-coronavirus.

Il-fruntieri Awstrijaċi, b’hekk, qed jinfetħu għall-Istati kollha tal-UE, l-EFTA ( l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles) u l-EEA (iz-Zona Ekonomika Ewropea) ħlief għal erba’ eċċezzjonijiet li huma l-Iżvezja, ir-Renju Unit, Spanja u l-Portugall. Ir-restrizzjonijiet għal dawn il-pajjiżi se jibqgħu, għalissa, minħabba li għad għandhom rati għoljin ta’ infezzjoni.

Il-pass minn Vienna naqqas it-tensjoni mal-Italja wara d-deċiżjoni inizjali biex jinżammu l-miżuri tas-sigurtà għall-movimenti (lejn l-Awstrija) minn dan il-pajjiż. Iżda baqgħet effettiva ‘it-twissija parzjali’ dwar l-ivvjaġġar tal-Awstrijaċi lejn il-Lombardija; ir-reġjun Taljan li ġarrab l-agħar impatt  mill-Covid-19.