Coronavirus Lokali Saħħa

5 każi ġodda ta’ COVID-19 f’pajjiżna

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa minn 904 test, irriżultaw 5 każi ġodda ta’ Coronavirus f’Malta.

Dan huwa r-raba’ jum li l-każi pożittivi tal-virus żdiedu b’mod konsekuttiv, xi ħaġa li ilha ma tiġri għal numru ta’ ġimgħat. Dan ifisser li R-Factor reġa’ żdied iżda xorta jibqa’ taħt il-1.

F’pajjiżna ilu ma jkollna ħames każi jew aktar sa mit-23 ta’ Mejju u b’hekk il-każi pożittivi ta’ din l-14-il ġimgħa tal-pandemija f’Malta u f’Għawdex huma l-għola fl-aħħar tliet ġimgħat.

Fl-aħħar aġġornament permezz ta’ Facebook, l-awtoritajiet ħabbru li fiequ tliet persuni biex b’hekk il-każi attivi f’pajjiżna reġgħu żdiedu u issa jammontaw għall-31.

It-total ta’ każi f’Malta u f’Għawdex sa mis-7 ta’ Marzu l’hawn huma 640 filwaqt li b’kollox fiequ 600.