Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

Aktar minn 300 koppja kellha tipposponi t-tieġ tagħha

Iktar minn 300 kopja ntlaqtet direttament mill-pandemija tal-COVID-19 hekk kif dawn il-persuni kellhom jipposponu t-tieġ tagħhom għal data oħra.

Fost il-miżuri ta’ restrizzjonijiet li kienu mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa hekk kif bdew ifeġġu l-każijiet ta’ coronavirus f’pajjiżna, l-attivitajiet tal-massa kienu twaqqfu sabiex jintaqqas it-tixrid ta’ dan il-virus.

Il-koppji nfushom kif ukoll diversi nies li jaħdmu f’dan is-settur relatat mal-organizzazzjoni ta’ tiġijiet u attivitajiet tal-massa, għadhom fl-għama dwar meta se jkunu jistgħu jerġgħu jsiru dawn l-attivitajiet.

Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri stess ikonferma li min-naħa tal-Gvern għad m’hemm l-ebda pjan dwar meta dan is-settur mistenni jerġa’ jibda jopera.

Waqt webinar li sar mill-Kamra tal-SME’s, diversi kienu mħassba dwar x’se jiġri mill-ħaddiema ta’ dan is-settur jekk sa Settembru, l-attività ekonomika tagħhom tkun għadha wieqfa. Dan hekk kif il-Gven nhar it-Tnejn ħabbar li se jkun qed jestendi l-wage suppliment sa Settembru biss.