Internazzjonali

Attakk qattiel fi skola primarja fl-Iskovakkja

Il-viċi-kap ta’ skola primarja spiċċa maqtul, b’numru ta’ tfal jindarbu, wara li aggressur armat b’sikkina daħal f’dik l-iskola, fil-belt ta’ Vrutky.

L-aggressur — eks student — ta’ 22 sena kien kiser bieba tal-ħġieġ biex jidħol fl-iskola u fejn sab jikkonfrontah il-viċi-kap li spiċċa jaqla’ daqqiet ta’ sikkina fatali.

Fil-ġlieda indarab ukoll purtinar u mara għalliema, wara li l-aggressur daħal ġo klassi u fejn spiċċaw feruti ‘talanqas żewġt itfal. It-tfal, aktar tard, ittieħdu lejn l-isptar biex ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu.

Il-pulizija li wieġbu għall-allert kienu kostretti li jiftħu n-nar fuq l-aggressur, bil-konsegwenza li r-raġel tilef ħajtu. L-awtoritajiet qalu, wara, li r-raġel kien ipprova jirreżisti l-arrest, b’żewġ uffiċjali tal-pulizija jispiċċaw midruba fost il-kaos.

L-iskop wara l-attakk ma kienx magħruf, bis-sitwazzjoni fl-iskola ta’ Vrutky issa tinsab taħt kontroll.

L-iskola inkwistjoni tinkludi wkoll kindergarten u kumpless tat-tagħlim għal tfal akbar