Internazzjonali

Covid-19: Jiżdiedu l-infezzjonijiet fir-Russja, bil-pandemija tieħu spinta fl-Afrika

In-numru ta’ infezzjonijiet ikkonfermati fir-Russja issa qabżu l-500,000, li hi t-tielet l-ogħla ċifra fid-dinja wara tal-Istati Uniti u l-Brażil.

Madankollu, uffiċjali qrib il-President Russu, Vladimir Putin, qalu li ‘mhemm xejn stramb’ dwar ir-rappurtaġġ uffiċjali rigward l-imwiet mill-Covid-19 f’dan il-pajjiż.

Il-Gvern f’Moska qed jgħid li r-rata ta’ mortalità (mill-coronavirus) baxxa hi dovuta ‘għas-sistema tas-saħħa effiċjenti tal-pajjiż’. Dan meta l-Gvern jiċħad li jista’ hu involut ‘f’manipulazzjoni tal-istatistika’ bħalma suġġerew xi esperti fir-Russja u barra l-pajjiż.

Ir-rapporti uffiċjali mir-Russja qalu li mietu 6,532 mill-Covid-19, b’dan in-numru qed ikun ikkunsidrat bħala ‘anqas sew’ minn  ta’ ħafna pajjiżi oħrajn li qed iġarrbu l-effetti serji tal-pandemija.

Sadanittant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) din il-ġimgħa  sostniet li ‘diffiċli biex xi ħadd jifhem ir-rati baxxi tal-imwiet fir-Russja ladarba wieħed jevalwa s-sitwazzjoni u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-pajjiż’.

Fi żviluppi oħra, il-WHO wissiet li l-pandemija tal-Covid-19 qed ‘taċċellera’ anki fil-kontinent tal-Afrika, li sa ftit ilu ma kenitx rat ‘l-agħar tal-virus’.

L-infezzjonijiet żdiedu b’mod sinifikanti f’għaxar pajjiżi li qed jagħmlu tajjeb għal żewġ-terzi fost il-200,000 każ ikkonfermat ( s’issa) tal-Covid-19 madwar il-kontinent. Dan qalitu t-tabib Matshidiso Moeti li qed tmexxi t-taqsima tal-WHO għall-analiżi tal-mard fl-Istati tal-Afrika.

L-Afrika t’Isfel hi l-agħar pajjiż milqut ( f’dan il-kontinent) mill-virus ġdid, bis-sitwazzjoni f’Western Cape qed tidher simili għal tal-Ewropa.

Matshidiso Moeti spjegat li l-parti kbira tal-każi tal-Covid-19 f’dan il-kontinent huma konċentrati ġewwa u madwar l-ibliet kapitali, bl-infezzjonijiet, issa, jidhru li qed jinfirxu ‘il hinn miz-zoni urbani ewlenin.

Sadanittant, in-nuqqas ta’ provvisti meħtieġa biex jindirizzaw il-kriżi – b’mod partikulari it-test kits – jibqa’ fost l-akbar sfidi li qed jiffaċċja r-reġjun tal-Afrika, fil-preżent.