Lokali

Estiż il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati ta’ konformità

L-Awtorita' tal-Ippjanar

L-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li testendi l-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati ta’ konformità li skadew jew li waslu biex jiskadu fil-jiem li ġejjin.

Din il-miżura ttieħdet wara li numru ta’ ċertifikati ta’ konformità validi ma setgħux jintużaw minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija tal-COVID-19 u għalhekk skadew jew waslu biex jiskadu.

Għalhekk ċertifikati ta’ konformità li għandhom perjodu ta’ validità li jiskadi bejn il-15 ta’ Marzu 2020 u l-15 ta’ Ġunju 2020 – li għad iridu jintużaw – jista’ jkollhom il-perjodu ta’ validità estiż wara talba speċifika li teħtieġ li ssir mill-perit f’isem l-applikant.

It-talba għal estensjoni għandha tintbagħat lill-Awtorità tal-Ippjanar qabel it-30 ta’ Ġunju. Dan fuq email: customercare@pa.org.mt li fiha għandu jkollha n-numru speċifiku tas-CMP. Iċ-ċertifikat jinħareġ mill-ġdid b’perjodu ta’ validità ta’ 3 xhur oħra. Talbiet li jaslu tard mhux se jkunu kkunsidrati.

Dan iċ-ċertifikat, li huwa konferma li l-iżvilupp huwa skond il-permess tal-ippjanar, għandu jiskadi fi żmien tliet xhur. Dan ikun meħtieġ ukoll meta persuna tapplika għas-servizzi tal-ilma u l-elettriku.

Fl-2019, l-Awtorità tal-Ippjanar rċeviet 10,442 applikazzjoni ta’ dan it-tip, numru rekord li wassal għal żieda ta’ 15% fuq is-sena ta’ qabel.