Lokali

Impenn lejn trasformazzjoni fis-settur

Bħalissa għaddejjin minn perjodu ta’ trasformazzjoni u jeħtieġ li kull settur ikun imħares u li l-linji gwida jkunu mibnija fuq riformi meħtieġa.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt laqgħa mal-Assozjazzjoni tal-Iżviluppaturi – laqgha li fiha nqtal illi dan is-settur jeħtieġ li dejjem iħaddan miżuri ta’ sigurtà.

Fost l-oħrajn jeħtieġ tisħiħ fir-regoli tas-settur, u li dawn is-sistemi ġodda jkunu amalgamati mal-ħarsien taċ-ċittadini fil-madwar u l-ambjent tagħna.

Adrian Delia fakkar kif matul dawn l-aħħar snin, il-politika ekonomika tal-Gvern kienet ibbażata biss fuq iż-żieda fil-popolazzjoni – direzzjoni li issa falliet.

Waqt il-laqgha, gie diskuss ukoll l-impatt tal-imxija tal-Coronavirus fuq is-settur tal-kostruzzjoni.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien proattiv u matul dan iż-żmien iltaqa’ mas-setturi kollha tas-soċjeta’ fejn sema’ d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom, u ressaq ‘il quddiem proposti, b’uħud minnhom il-Gvern aċċettahhom u ressaqhom fil-miżuri li ħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa. L-Oppożizzjoni se tibqa’ proattiva u lesta tibqa’ tagħti s-sehem tagħha.

Min-naħa tagħħa l-MDA qalet li l-industrija tal-kostruzzjoni trid tilħaq it-tragwardi tagħha sas-sena 2030, fejn trid tilħaq il-miri tal-carbon free, u qalet li s-settur irid ikun preparat issa aktar minn qatt qabel dwar il-ħtieġa li l-membri tagħha tingħatalhom l-edukazzjoni u l-gwida xierqa.

Tul il-laqgħa il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Viċi Kap Robert Arrigo u d-deputati Kevin Cutajar u Toni Bezzina.