Lokali

IS-SAGA TAL-KUMPANIJA TACA: It-Torok se jintbagħtu lura d-dar

Fortina qed iżżomm lil TACA responsabbli għad-danni

Il-kumpanija Fortina ikkonfermat li temmet ir-relazzjoni tagħha mal-kumpanija Torka TACA Construction wara li sfumat fix-xejn laqgħa twila ta’ l-ħdax-il siegħa. Dan b’rabta mal-proġett li għaddej f’Tigne’, fis-sit tal-Fortina.

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ilhom weqfin għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat wara li l-ħaddiema Torok marru fuq strajk, għaliex il-kumpanija Torka naqset milli tħallashom.

Fortina fi stqarrija qalu li kienu taw lil TACA Construction ultimatum sal-lum biex din is-sitwazzjoni tiġi solvuta. Iżda dawn id-diskussjonijiet fallew.

Net News hu infurmat li s-Sibt li ġej, dawn il-ħaddiema Torok se jintbagħtu lura d-dar.

Fortina qed iżżomm lil TACA responsabbli għad-danni li jirriżultaw mid-dewmien fil-proġett u se tkun qed tieħu l-azzjonijiet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tissalvagwardja l-interessi tagħha.

Kuntrattur ġdid se jieħu f’idejh ix-xogħlijiet fuq il-Fortina fil-jiem li ġejjin.

TACA hi l-istess kumpanija Torka li qed taħdem fuq numru ta’ proġetti tal-Gvern, fosthom f’San Vinċenz de Paul.