Coronavirus Futbol Sport

It-timijiet tal-Premier League jaqblu dwar il-protokoll mediku għal waqt il-partiti

(Ritratt: EPA)

F’laqgħa li saret ilbieraħ, it-timijiet kollha tal-Premier League qablu dwar il-protokoll mediku għal waqt il-partiti. Il-kampjonat Ingliż se jirritorna nhar l-Erbgħa b’żewġ partiti.

Din kienet l-aħħar deċiżjoni minn tlieta li ttieħdu fl-aħħar ġimgħat biex ikun komplut u approvat il-Project Restart. Dan il-protokoll, jinkludi kull aspett fil-grawnd u jillimita n-numru ta’ nies eliġibbli kemm ġewwa kif ukoll fil-madwar. F’kull grawnd se jkunu eliġibbli 300 persuna bejn membri tat-timijiet, ġurnalisti, scouts u uffiċjali oħra.

Sa issa jidher li l-unika partita li se tkun milgħuba f’stadium newtrali hija dik bejn Manchester City u Liverpool, b’deċiżjoni uffiċjali għadha trid tittieħed. Il-Premier League ġie sospiż fit-13 ta’ Marzu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Dele Ali ta’ Tottenham sospiż għall-partita kontra Man. Utd

Il-midfielder ta’ Tottenham Hotspur  Dele Ali, ġie sospiż mill-FA Ingliża u mmultat €55,000 wara li nstab ħati li kiser r-regola E3 tal-FA. Ali jidher f’filmat fuq il-midja soċjali jiċċajta bil-coronavirus. F’kummenti wara d-deċiżjoni tal-FA, Ali skuża ruħu u qal li qatt ma’ ħaseb li din iċ-ċajta kienet se twassal għal konsegwenzi bħal dawn.