Lokali Qorti

Jammetti li seraq karozza iżda mhux li ħaraqha

Raġel ta’ 38 sena mis-Siġġiewi ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li nhar is-Sibt, 30 ta’ Mejju li għadda seraq karozza minn Ħal-Qormi iżda m’ammettiex li huwa kien ħaraq l-istess karozza li nstabet f’Wied iż-Żurrieq.

Frederick Mifsud ammetta li seraq il-karozza għall-ħabta ta’ nofs inhar minn Triq il-Vitorja iżda m’ammettietx  li l-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-11.15pm ta n-nar lill-karozza tal-għamla Daewoo Racer.

Mifsud, li ġie mixli wkoll li sar reċediv qal lill-Pulizija li huwa seraq il-karozza għax kienet faċli biex tisraqha. Il-każ dwar il-ħruq tal-karozza se jkompli jinstema’ quddiem il-Maġistrat Frendo Dimech bil-Prosekuzzjoni titmexxa mill-Ispetturi Kylie Borg u Roderick Agius Custò.

L-akkużat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €300 u garazija personali ta’ €2,000 bl-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri jidhru għall-imputat u jagħmlu t-talba.