Hekk kif issa baqa’ anqas minn xahar sabiex l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jerġa’ jibda jilqa’ titjiriet kummerċjali fl-1 ta’ Lulju 2020, it-tħejjijiet għall-ftuħ mill-ġdid għaddejjin b’ritmu tajjeb.
It-tim tal-Iżvilupp tat-Traffiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta flimkien mal-awtorità lokali għat-turiżmu qegħdin jaħdmu mill-qrib mal-linji tal-ajru sħab tal-ajruport sabiex jerġgħu jibdew jibnu l-konnettività ta’ Malta, hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġjar qed jiġu rilaxxzti.
Sitt linji tal-ajru ser ikunu qed joffru titjiriet diretti lejn 17-il ajruport f’disa’ pajjiżi u reġjuni, inklużi Sqallija, il-Ġermanja, l-Isvizzera u l-Lussemburgu, għall-perjodu bejn Lulju u Ottubru.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirrakkomanda li persuni li beħsiebhom isiefru jivverifikaw xi protokolli tas-saħħa u s-sigurtà qed jiġu implimentati fid-destinazzjoni preferuta tagħhom qabel ma jibbukkjaw titjira.
Traffiku għax-xahar ta’ Mejju
Ix-xahar ta’ Mejju kien wieħed kwiet għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġjar bl-ajru li ġew introdotti f’Marzu minħabba l-Covid-19 baqgħu fis-seħħ.
Ix-xahar li għadda għaddew mill-ajruport biss 3,081 passiġġier, jiġifieri tnaqqis ta’ aktar minn 670,000 passiġġier meta mqabbel ma’ Mejju 2019. Hekk kif it-traffiku bl-ajru baqa’ kważi kompletament wieqaf għat-tieni xahar konsekuttiv, il-movimenti tal-ajruplani tul ix-xahar ta’ Mejju ammontaw biss għal 283 tluq u nżul.
Tlieta u erbgħin fil-mija tat-titjiriet għax-xahar ta’ Mejju kienu titjiriet umanitarji u ta’ ripatriazzjoni, li wasslu passiġġieri lejn u minn aktar minn 10 pajjiżi. Il-bqija tat-titjiriet kienu ta’ ġarr tal-merkanzija, li rreġistraw żieda ta’ 11% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.
//= $special ?>