Lokali

L-ALPA titlob lill-pulizija tinvestiga t-tmexxija tal-Air Malta

L-ALPA ippreżentat Protest Ġudizzjarju biex iżżomm lill-Air Malta responsabbli talli aġixxiet kontra l-ordni tal-Qorti li twaqqaf kull forma ta’ sensji għall-mument. Dan skont it-termini tal-Mandat ta’ Inibizzjoni maħruġ mill-Qrati l-Ħadd 7 ta’ Ġunju, 2020.

L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-maġġor parti tal-bdoti fl-Air Malta u li 69 minnhom spiċċaw imkeċċija mill-kumpanija, qed iżżomm ukoll lill-kumpanija responsabbli għal negozjati b’intenzjoni ħażina u għall-ħsara irreparabbli li dan qed jikkawża lill-membri tagħna.

L-ALPA ressqet ukoll ilment kriminali kemm lid-Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija, fejn talbet investigazzjoni dwar l-aġir u t-tmexxija tad-Diretturi, maniġers u uffiċjali oħra tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Dan kollu jasal wara lment ieħor kriminali, ippreżentat lura fl-24 ta’ Mejju, 2019, b’rabta man-nuqqas tal-Air Malta li fost oħrajn naqsu milli jħallsu xi pagi.

Fi stqarrija l-ALPA saħħqet li se tibqa’ determinata li tissalvagwardja l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-membri kollha tagħha mingħajr distinzjoni u tirrikorri għall-mezzi kollha meħtieġa sabiex tħares l-interessi tagħhom.