Lokali Unjoni Ewropea

L-Att Nutarili nstab li jiddiskrimina kontra n-nisa

Il-MPE Roberta Metsola tappella lill-Parlament biex jemenda l-liġi

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza ddeċidiet li sezzjonijiet tal-liġi nutarili Maltija hija diskriminatorja, peress li jġiegħlu lil mara tagħti l-istatus matrimonjali tagħha waqt li ma jġiegħlux l-istess lil raġel jagħmel l-istess.

Wara li l-Ewroparlamentari Roberta Metsola oġġezzjonat u wara li Dr Marie-Therese Cuschieri bdiet kawża fil-Qorti Kostituzzjonali, tnediet investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Ugwaljanza.

F’dikjarazzjoni mogħtija llum, il-Kummissarju tal-Ugwaljanza Renee Laiviera qablet li l-liġi hija diskriminatorja u ħeġġet lill-Parlament biex jibdilha immedjatament.

Dr Cuschieri fil-bidu ressqet kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Maltija u argumentat li l-Artikolu 28 (1) (c) (i) tal-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji (Kapitolu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta) huwa inkonsistenti mad-drittijiet fundamentali tagħha taħt l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Artikolu 28 (1) (c) (i) tal-Att jirrikjedi li fuq kwalunkwe kuntratt uffiċjali fil-preżenza ta’ Nutar: “Iżda,  meta  waħda  mill-partijiet  fl-att  hija mara,  għandu  jingħad  ukoll  jekk  hix  xebba, miżżewġa jew armla.”

Il-każ ġie deċiż favur l-Avukat Cuschieri iżda filwaqt li l-kwistjoni ġiet solvuta għall-Cuschieri u allura hi ma kinitx aktar meħtieġa tipprovdi l-istat ċivili tagħha, nisa oħra għadhom qed jiġu mitluba jagħmlu dan.

Il-MPE Metsola kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza fejn talbitha tirrimedja s-sitwazzjoni li toħloq diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, u biex tipprovdi għajnuna fejn meħtieġa għal persuni li sofrew minn diskriminazzjoni mir-riżultat tal-applikazzjoni skorretta ta’ din id-deċiżjoni.

B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-lum, l-ewroparlamentari Metsola laqgħet ir-riżultat tal-investigazzjoni tal-NCPE u enfasizzat li d-diskriminazzjoni fil-liġijiet ta’ Malta teħtieġ li tiġi ndirizzata immedjatament. Hija qalet li “ma nistgħux naċċettaw li fil-ġurnata tal-lum, il-battalji li intrebħu min-nisa biex jiġu trattati b’mod ugwali f’għajnejn il-liġi u f’dawk tas-soċjetà, għadhom biss inka fuq il-karta u għadhom mhumiex applikati fil-prattika.”

Roberta Metsola qalet: “Issa għandna bżonn li l-Parlament jaġixxi – għandu jbiddel din il-liġi minnufih u jibgħat sinjal qawwi li n-nisa qatt m’għandhom jiġu diskriminati.”