Futbol Sport

L-MFA tapplika biex tliet plejers jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija

Il-kowċ il-ġdid tat-tim Nazzjonali Malti Devis Mangia fil-ġimgħat li ġejjin se jkollu tliet plejers ġodda barranin li se jkun jista’ jagħżilhom. Enrico Pepe ta’ Brikirkara, Amadou Samb ta’ Gżira United u Mario Fonatanella ta’ Valletta ġew identifikati minn Mangia bħala l-plejers li jistgħu jissodisfaw il-kriterji mitluba mill-Gvern skond il-liġi taċ-ċittadinanza bil-mertu.

Fl-aħħar snin l-MFA wettqet studju dettaljat dwar dawk il-plejers barranin li jistgħu jkunu eliġibbli biex jilagħbu għat-tim Nazzjonali Malti. Fatt interessanti huwa li dawn it-tliet plejers magħzula ġew f’Malta maċ-Champions il-ġodda ta’ Malta Floriana. Fl-aħħar snin il-President ta’ Floriana, Riccardo Gaucci ġab f’Malta numru ta’ plejers barranin ta’ kwalità li ħallew impatt f’pajjiżna.

Pepe wasal f’pajjiżna fl-2015, fejn ma’ Floriana rnexxielu jirbaħ l-FA Trophy. Wara tliet staġuni hu ħalla lil Floriana biex issieħeb ma’ Ħamrun Spartanas u eventwalment ma’ Brikirkara. Fontanella ukoll ġie f’pajjiżna fl-2015 fejn wara tliet staġuni ingħaqad mar-rivali Valletta fejn ilu magħhom għal dawn id-disa’ staġuni. Tul il-karriera tiegħu f’pajjiżna, Fontanella skorja 82 gowl u rebaħ il-kompetizzjonijiet kollha.

Amadou Samb wasal f’pajjiżna sena qabel Pepe u Fontanella fejn wara staġun telaq minn pajjiżna qabel ma rritorna mal-istess Floriana fl-istaġun 2016/17. Wara tliet snin, il-plejer mis-Senegal issieħeb lil Gżira United u sa issa f’pajjiżna skorja 45 gowl. L-applikazzjonijiet, se jkunu qegħdin jiġu evalwati mill-awtoritajiet konċernati b’waħda mill-kriterji bażici tkun li l-applikanti jkunu ilhom residenti f’Malta għal ħames snin.