Lokali Qorti

Mixli li seraq €2,000 minn garaxx

Raġel baqa’ miżmum taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati li seraq madwar  €2,000 kontanti mill-garaxx ta’ sprayer f’Ħal Qormi nhar it-Tnejn li għadda. Mark Scerri, ta’43 sena minn Wied il-Għajn, kien ġie segwit mill-pulizija li kienet qed tinvestiga serqa li allegatament seħħet fit-8 ta’ Ġunju li għadda.

L-akkużat ġie mixli b’serq aggravat u ħsara volontarja fuq propjetà ta’ terzi persuni, li kiser digriet tal-ħelsien mill-arrest maħruġ f’Diċembru u libertà kunizzjonata mogħtija f’Ġunju tal-2019.

L-avukati tiegħu, Lennox Vella u Mario Mifsud għamlu talba għall-ħelsien mill arrest ta’ Scerri fejn argumentaw li l-akkużat kien għadu kemm sab impieg.

Madankollu, wara li l-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ċaħdet it-talba minħabba nuqqas ta’ affidabbiltà tal-akkużat. L-Ispettur Alfredo Mangion mexxa l-Prosekuzzjoni.