Internazzjonali

Norveġja: Ikkundannat 21 sena ħabs dwar omiċidju u attakk terroristiku fuq moskea

Qorti distrettwali, fl-aħħar sigħat, ikkundannat raġel żgħażugħ għal 21 sena ħabs wara li dan kien qatel lil oħtu tar-rispett u, dritt wara l-omiċidju, wettaq attakk terroristiku fuq moskea fil-belt ta’ Baerum.

L-attakk kien seħħ f’Awwissu li għadda meta Philip Manshaus, ta’ 22 sena, fetaħ in-nar fuq iċ-ċentru Iżlamiku ta’ al-Noor u fejn, b’xorti tajba, ma weġġa ħadd serjament.

L-aggressur kien spiċċa mrażżan qabel waslu l-pulizija fuq il-post, bl-awtoritajiet, wara, jitrattaw dan il-każ bħala wieħed terroristiku b’intenzjoni razzista.

Philip Manshaus hu magħruf  bħala estremista tal-lemin u l-pulizija sabet il-provi li hu kien spirat minn Brenton Tarrant, ir-raġel Awstraljan li hu akkużat bl-attakki qattiela tal-2019 fuq żewġ moskej fil-belt ta’ Christchurch, fi New Zealand.

Manshaus kien armat sa snienu meta daħal fil-moskea bl-intenzjoni li joqtol lil kulmin isib quddiemu iżda spiċċa ‘imrażżan u kontrollat’ minn eks fizzjal tal-qawwiet tal-ajru Pakistani li anki rnexxielu jieħu l-arma tan-nar minn idejn l-aggressur.

Ftit wara l-attakk, il-pulizija kienu sabu l-katavru ta’ Johanne Zhangjia Ihle-Hansen, l-oħt tar-rispett ta’ Manshaus, ġo residenza fl-inħawi ta’ Baerum.

Intant, ġie deċiż li Manshaus irid jiskonta minimu ta’ 14 il-sena ħabs, b’dan il-perjodu ta’ priġunerija jkun aktar mill-minimu ta’ għaxar snin ħabs li kien weħel Anders Behring Breivik, l-estremista tal-lemin li, fl-2011, kien qatel 77 persuna fl-agħar omiċidju tal-massa fl-istorja moderna tan-Norveġja.