Internazzjonali

Renju Unit: Il-protesti huma ‘illegali’ skont ir-regoli għal social distancing

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qed jinkoraġġixxi lin-nies biex ma jieħdux sehem fi protesti jekk ma jkunux jistgħu jirrispettaw ir-regoli għal social distancing. Madankollu, huma l-pulizija li jridu jieħdu d-deċiżjonijiet dwar kif għandhom jirreaġġixxu għal kwalunkwe ċirkustanza waqt il-kriżi.

Intant, Johnson ma jemmnix li l-inċidenza tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 naqset sal-punt li jixtieq hu jew sal-punt fejn il-Gvern Britanniku jista’ jikkunsidra li jnaqqas ir-regola biex iċ-ċittadini jżommu sa żewġ metri ‘il bogħod minn kulmin mhux membru tal-familja.

Ma ħarġu l-ebda rapporti dwar ħruġ ta’ multi jew penali b’konnessjoni ma’ abbuż tar-regoli għal kwarantina li ilhom fis-seħħ fir-Renju Unit min-nhar it-Tnejn, Ir-regoli jirrikjedu biex kulmin jivvjaġġa lejn il-pajjiż minn barra jgħaddi erbatax-il jum f’iżolament.

L-aħħar ċifri tal-Gvern Britanniku wrew li, f’perjodu ta’ 24 siegħa, mietu 151 oħra li testjaw pożittiv bil-coronavirus. Dan ifisser li mil-lejl tal-10 ta’ Ġunju, -imwiet totali mill-Covid-19 madwar ir-Renju Unit telgħu għal 41,279.

Sadanittant, il-Ministri Britanniċi qed jiddefendu d-deċiżjonijiet li ħadu waqt l-eqqel tal-kriżi wara li eks konsulent mal-Gvern sostna li l-imwiet mill-Covid-19 setgħu naqsu bin-nofs f’dan il-pajjiż li kieku l-lockdown laħaq ġie impost ‘imqar ġimgħa qabel iż-żmien meta spiċċa implimentat’.

Il-Professur Neil Ferguson, li l-pariri tiegħu kienu kruċjali għall-impożizzjoni tal-lockdown, qal li l-pandemija kienet qed tirdoppja ‘bħala rata’ f’kull tliet u erba’ ġranet qabel ittieħdu l-miżuri tas-sigurtà.

Il-lockdown fir-Renju Unit kien beda fit-23 ta’ Marzu u r-rekords li ttieħdu mil-laqgħat juru li l-konsulenti fir-Renju Unit ma kenux qed jirrakkmandaw il-lockdown fil-bidu ta’ dak ix-xahar.