Internazzjonali

Renju Unit: Jirkupraw statwa kontroversjali mill-port ta’ Bristol

L-awtoritajiet fil-belt ta’ Bristol irkupraw l-istatwa ta’ bniedem li kien involut fil-kummerċ tal-iskjavi u li, jiem ilu, kienet spiċċat fl-ilma tal-port, fost l-eqqel ta’ dimostrazzjonijiet kontra r-razziżmu.

Id-dimostranti, fi tmiem il-ġimgħa, qaċċtu l-istatwa ta’ Edward Colston, li kien jgħix fis-seklu sbatax, u tefgħuha fl-ilma bħala ġest simboliku ta’ sfida. Il- mument kien wieħed partikulari fost il-protesti li saru fl-Ingilterra u madwar id-dinja dwar il-qtil ta’ raġel iswed, George Floyd, li kien qed jinżamm arrestat mill-pulizija fil-belt Amerikana ta’ Minnesota.

Edward Colston kien uffiċjal għoli ta’ kumpanija protagonista fl-iskjavtu ta’ mijiet ta’ eluf ta’ nies li kienu ġejjin mill-Punent tal-Afrika. Filwaqt li l-Gvern Britanniku kkundanna l-qerda tal-istatwa ta’ Colston, qamet ukoll sejħa popolari biex jitneħħew il-monumenti dedikati lil xi personalitajiet storiċi li setgħu kienu b’xi mod konnessi mal-kummerċ bl-iskjavi.

Il-monument ta’ Colston, issa, se jinżamm mill-kunsill ta’ Bristol bil-ħsieb li, ‘il quddiem, jittieħed f’mużew biex iservi ta’ attrazzjoni fost il-kollezzjoni tal-oġġetti storiċi.

Sadanittant, fl-Istati Uniti, gruppi ta’ nies qaċċtu l-istatwi dedikati lill-mexxejja tal-Confederates (protagonisti fl-impożizzjoni antika tal-iskjavtu) kif ukoll tal-esploratur, Kristofru Kolombu — bil-pressjoni tikber biex l-awtoritajiet iwarrbu l-monumenti pubbliċi ta’ personalitajiet relatati mal-iskjavtu u l-kolonjaliżmu.