Coronavirus Lokali

Anzjana ta’ 98 sena residenti fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla fost il-każi mħabbra llum

Anzjana ta’ 98 sena, residenti fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, hi fost il-ħames persuni li rriżultaw pożittivi fl-aħħar sigħat. Għaldaqstant, ġie deċiż li jitwaqqfu temporanjament iż-żjarat minn barra f’din id-Dar bħala prekawzjoni.

Fi stqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa, ingħad li l-anzjana rriżultat pożittiv waqt ir-rutina normali ta’ swabs li qed isiru bħala prekawzjoni fid-djar tal-anzjani. L-anzjana ġiet trasferita għall-Isptar St Thomas.

Min-naħa l-oħra, bħala prekawzjoni, ir-residenti u l-istaff tad-Dar ġew ittestjati u qed jistennew ir-riżultat, filwaqt li anzjana li kienet fl-istess kamra tal-anzjana li nstabet pożittiva qed tinżamm fi kwarantina.

Il-Ministeru qal li ż-żjarat twaqqfu sakemm jinħarġu r-riżultati tat-testijiet li saru.