Bħala parti mit-tħejjijiet għall-Quddies fil-knejjes bil-preżenza tal-pubbliku minn nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej (13 u 14 ta’ Ġunju), ġiet ippublikata lista tal-ħinijiet tal-Quddies li ser jigi ċċelebrat fil-parroċċi. Din il-lista hija aċċessibbli fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta knisja.mt u fiha wieħed isib ukoll in-numru ta’ postijiet disponibbli f’kull knisja skont il-miżuri ta’ distanza soċjali.
Numru ta’ parroċċi qed jimplimentaw ukoll sistema ta’ booking online li ġiet żviluppata mill-Kurja tal-Arċisqof, u li permezz tagħha numru
limitat ta’ postijiet fil-knisja jistgħu jiġu riżervati permezz ta’ din il-formola online.
Is-sistema hija aċċessibbli fuq l-istess website mal-lista ta’ ħinijiet tal-Quddies. L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħejjiet ukoll filmat qasir biex tispjega kif wieħed faċilment jista’ jieħu sehem fil-Quddies bil-miżuri ta’ prekawzjoni l-ġodda, inkluż l-użu tal-maskri jew il-visor waqt il-Quddiesa.
Il-filmat juri wkoll kif wieħed għandu jżomm id-distanza soċjali
waqt iċ-ċelebrazzjonijiet u kif għandu jsir it-tqarbin.
L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ifakkru li d-dispensa tal-obbligu tal-Quddies tal-Ħadd għadha fis-seħħ.
Il-Quddiesa ta’ kuljum ser tibqa’ tixxandar fuq Knisja.mt.
//= $special ?>