Għawdex Lokali

Bżonn ta’ pjan strateġiku fit-tul għal Għawdex

Waqt laqgħa oħra tal-Kumitat Parlamentari għal Ghawdex ħareġ li l-Gozo Business Chamber (GBC) qed tinsisti li filwaqt li l-miżuri li tħabbru huma tajbin għax-xhur li ġejjin però hemm bżonn urġenti li jkun hemm pjan strateġiku fit-tul għal Għawdex. Dan saħqu Joe Borg il-President tal-GBC meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-Deputati Għawdxin Chris Said u Kevin Cutajar.

Joe Borg insista li hemm bżonn li l-ekonomija ta’ Għawdex tkun diversifikata u ma tibqax tiddependi daqshekk fuq it-turiżmu u dan fid-dawl tal-fatt li 50% tal-Prodott Gross Domestiku ta’ Għawdex ġej mit-Turiżmu. Borg saħaq ukoll li bil-mini budget imħabbar mill-Gvern nhar it-Tnejn li għadda, Għawdex tilef l-benefiċċju importanti li kellu ta’ rata ta’ taxxa preferenzjali kull meta jsir bejgħ ta’ propjeta’ li tinsab fil-gżira.

Dan peress li l-hekk imsejjaħ mini budget ħoloq sitwazzjoni fejn għall-bejgħ kollu tal-propjetà f’Malta u Għawdex se tkun tapplika l-istess taxxa. Skont Borg, ir-rata ta’ taxxa preferenzjali ta’ taxxa għal Għawdex għandha tibqa’.

Fl-istess laqgħa saru numru ta’ mistoqsijiet lis-CEO ta’ Steward Healthcare. Hija kkonfermat li Steward bidlu s-sidien tagħhom u l-Gvern ġie nfurmat b’dan u li preżentament għaddejjin diskussjonjiiet mal-Gvern biex jiġi rinnegozjat il-kuntratt tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet inkluż l-isptar ġenerali ta’ Għawdex.

Is-CEO ta’ Steward ikkonfermat illi huwa l-Gvern li qed iħallas l-kera tal-lukanda fir-Rabat fejn ittieħdu l-anzjani li kienu fir-Residenza Sant’Anna u ma setgħetx tagħti data meta l-anzjani se jittieħdu lura fir-Residenza Sant’Anna.

Mistoqsija mid-deputati Għawdxin dwar il-fatt li Steward kellhom jibnu sptar ġdid f’Għawdex sa Ġunju 2018, is-CEO ma setgħetx tikkommetti data meta se jibda l-bini ta’ dan l-isptar, li issa diġa’ għaddew sentejn minn meta suppost tlesta, kif ukoll meta hu maħsub li jitlesta.

Id-deputati Għawdxin jiddeploraw il-fatt ukoll li l-laqgha ma setgħetx tkompli u jsiru l-mistoqsijiet lis-CEO tal-Gozo Tourisim Association li kien preżenti għaliex il-Ministru għal Għawdex fl-ebda ħin ma attenda għal-laqgħa u l-Ministru Refalo telaq f’nofs il-laqgħa. Għalhekk ma kienx hemm kworum u f’nofs il-laqgħa, ċ-Chairperson Justyne Caruana kellha twaqqaf il-laqgħa.