Internazzjonali

COVID-19: Il-Prim Ministru Taljan interrogat fost allegazzjonijiet ta’ negliġenza min-naħa tal-Gvern

Il-PM Taljan Giuseppe Conte

Il-Prim Ministru tal-Italja, Giuseppe Conte, kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-prosekuturi wara li l-qraba tal-vittmi tal-Covid-19 insistew li ssir inkjesta dwar allegata negliġenza min-naħa tal-Gvern waqt il-kriżi.

Il-prosekuturi vvjaġġaw lejn Ruma minn Bergamo – li kienet l-agħar belt milquta mill-coronavirus qabel l-Italja sħiħa spiċċat suġġetta għal-lockdown, f’Marzu li għadda.

Il-qraba tal-vittmi sadanittant insistew li l-aktar zoni ‘fertili’ għall-virus – magħrufin bħala hot spots – messhom ġew iżolati qabel mill-awtoritajiet.

Dan waqt li tressqu għexieren ta’ ilmenti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Bergamo mingħand membri tal-grupp taċ-ċittadini bl-isem Noi Denunceremo (Aħna Se Nirrappurtawkom ( għal aġir ħażin u żbaljat)’.

Il-Prim Ministru Conte qal li ma ħassux inkwetat dwar ‘din il-linja ta’ interrogazzjoni’ u li hu kien se jispjega l-fatti kollha bl-istess mod kif dejjem interpretahom u ‘b’mod li ma jħallilu xejn fuq il-kuxjenza’.

Conte sostna li mhu se jaħrab mill-ebda investigazzjoni għaliex iċ-ċittadini għandhom id-dritt għal tweġibiet fiċ-ċirkustanzi. F’April li għadda, il-Prim Ministru Taljan kien ċaħad li seta’ ikkalkula ħażin il-livell tal-kriżi tal-coronavirus. Hu spjega, dak iż-żmien, li ‘in-nies kienu jgħodduh b’miġnun’ li kieku ħareġ direttiva għal lockdown fil-bidu, meta nstabu l-ewwel infettati.

Iżda l-qraba li tilfu lill-għeżież qed jgħidu li żewġ zoni – Alzano u Nembro – fil-Lombardija messhom kienu dikjarati bħala ‘zoni ħomor’ ladarba feġġew il-każi tal-Covid-19 fl-inħawi.

L-azzjoni legali fl-Italja hi l-ewwel waħda fuq livell ta’ grupp b’konnessjoni mal-pandemija. Iżda r-reġjun tal-Lombardija qed titmexxa mill-Partit tal-Lega fl-Oppożizzjoni u ħafna nies qegħdin iwaħħlu f’dan il-partit, aktar milli fil-Gvern ċentrali, għall-allegati nuqqasijiet fil-kampanji għat-trażżin tal-coronavirus.

Il-prosekuturi Taljani kellhom anki jagħmlu l-mistoqsijiet relevanti lill-Ministru tal-Intern, Luciana Lamorgese u l-Ministru tas-Saħħa, Roberto Speranza.

Dan meta l-prosekuturi jridu jiddeterminaw jekk teżistix bażi għal akkużi ta’ negliġenza kriminali. Intant, wieħed irid jara jekk id-deċiżjoni dwar lockdown kellhiex tittieħed mill-politiċi f’Ruma inkella fil-Lombardija – ir-reġjun minn fejn beda jinfirex il-virus lejn l-Ewropa.

Aktar min-nofs il-vittmi Taljani tal-Covid-19 tilfu ħajjithom fil-Lombardija, bl-aħħar ċifri mill-Italja jikkonfermaw total ta’ aktar minn 34,000 mejtin mill-bidu tal-kriżi ‘il hawn.

Madankollu, ir-rata tal-infezzjonijiet niżlet fl-Italja u dan qed jippermetti biex l-awtoritajiet lokali jnaqqsu r-restrizzjonijiet preċedenti b’mod gradwali.