Lokali Qorti

Keith Schembri mar jitkixxef mal-Imħallef Antonio Mizzi minħabba “Ix-Xiħ”

Recordings fejn jispikkaw il-vuċijiet imqanqla ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech

Għat-tieni jum konsekuttiv, jerġa’ jissemma’ Keith Schembri. Din id-darba fil-kompilazzjoni li qed issir fil-konfront tat-tliet irġiel akkużati bl-involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jiġifieri Vince Muscat u l-ahwa Degiorgio.

Fil-Qorti, il-middleman Melvin Theuma reġa’ stqarr taħt ġurament li skont hu, Keith Schembri kien imdaħħal. U jinsisti li lilu, jiġifieri lil Theuma, provaw itajjrulu rasu.

Il-middleman qed jibqa’ jgħid li ma’ Keith Schembri qatt ma tkellem dwar Caruana Galizia. Iżda jinsisti li ried iżomm kelma ta’ irġulija u jġib il-liberta’ proviżorja għall-aħwa Degiorgio. Xi ħaġa li magħha kien hemm marbuta wkoll is-somma ta’ miljun ewro.

“Lill-aħwa Degiorgio ridt inżommhom kwieti”, stqarr Melvin Theuma. Għalkemm f’mument minnhom huma kienu ddikjaraw “ġewwa huma, ġewwa kulħadd”.

Hu spjega li Alfred Degiorgio kien ingħata €150,000; €30,000 qabel il-qtil u €120,000 meta ħelsu minn Caruana Galizia.  Yorgen Fenech kien tah €150,000 fi flus kontanti f’daqqa.

Matul is-seduta tal-Ġimgħa, instemgħu recordings fejn jispikkaw il-vuċijiet imqanqla ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech; hawn, għal darb’oħra, jissemma’ Keith Schembri. L-eks Chief of Staff kien lest jidhol fin-nar ghal Fenech.

Fil-Qorti, Theuma jispjega li kien imbeżża’ wara li seħħ l-omiċidju. U jispjega li mar jiltaqa’ ma’ Fenech eżatt malli sar jaf li daħlu fiha l-FBI.

Skont Theuma, Yorgen Fenech kien jgħid illi Keith Schembri kien lest jaħraqha ħajja lil Daphne Caruana Galizia. Għalkemm jistqarr li “kesaħ” meta Fenech kellmu fuq l-assassinju.

Theuma qal li Fenech kien qallu li Keith Schembri mar jitkixxef mal-Imħallef Mizzi minħabba ‘x-Xiħ’. Melvin Theuma qal li ‘x-Xiħ’ hu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Fil-Qorti rriżulta wkoll li Fenech kien bagħat lil Theuma biex ikellem lill-aħwa tal-Maksar, li allegatament immanifatturaw il-bomba li ħasdet il-ħajja ta’ Caruana Galizia.

Ikkummenta