Coronavirus Lokali

Ħames każi ġodda għat-tieni jum konsekuttiv

Mill-ġdid żieda fil-każi attivi u għat-tieni jum, ħames każi ġodda ta’ Coronavirus f’pajjiżna.

Dan ħareġ mill-aġġornament ippubblikat fil-paġna tal-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook – l-uniku mod kif il-Gvern qed jagħti l-aġġornamenti dwar il-qagħda tal-virus f’pajjiżna.

Fil-fatt, iċ-ċifri ppubblikati juru li fl-aħħar 24 siegħa irriżultaw ħames każi ġodda, għalkemm ħadd ma fieq. Dan jgħolli n-numru ta’ każi attivi għal 36 – b’total ta’ 645 każ pożittiv, 600 persuna fiequ u disa’ persuni tilfu ħajjithom.

Fl-aġġornament tiegħu, il-Ministeru fakkar kif 19-il pazjent għadhom qed jirċievu l-kura fl-Isptarijiet lokali, fosthom wieħed li għadu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Dan għalkemm ma ngħata l-ebda aġġornament dwar il-kundizzjoni ta’ saħħet dawn il-pazjenti.