Lokali

Gvern fil-muta dwar il-mijiet ta’ eluf f’sigurtà mal-immigranti fuq il-vapuri

Mal-€500,000 f'security biss

Issa li l-425 immigrant li kienu fuq il-bastimenti ‘l barra minn xtutna iddaħħlu xorta pajjiżna, wieħed ma jistax ma jistaqsix din l-operazzjoni kemm swiet lill-poplu Malti.

Kull ma nafu sa issa hu, jekk il-figuri li ngħataw huma korretti, hu li l-kiri ta’ kull bastiment kien qed jiswa €3,000 kuljum. Jiġifieri €12,000 kuljum għal erba bastimenti.

Iżda minbarra dan, fuq kull vapur kien hemm ukoll il-membri tas-sigurtà.

Net News nhar it-Tnejn staqsa lill-Gvern dawn il-mistoqsijiet:

  • Kemm kien hemm uffiċjali tas-sigurtà fuq kull vapur?
  • Kemm damu ġranet abbord?
  • Kemm kien hemm kumpaniji tas-security involuti, u kif intagħzlu?
  • Jekk kienet waħda biss, jekk din ingħtatx direct order?
  • Kemm sewa is-servizz ta’ security abbord il-vapuri?

Iżda sa issa, skiet totali kemm mill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri u anke mill-Ministru tal-Affarijet Barranin, Evarist Bartolo.

Minn informazzjoni li ksibna, nafu li per eżempju fuq l-Europa II kien hemm 12-il membru tas-sigurtà, li dehru wkoll fil-filmati li ġbidna aħna stess fl-Isla.

Net News jinsab infurmat ukoll, li l-kumpanija tas-sigurtà li aktarx ingħatat Direct Order għal dan ix-xogħol, qed titħallas bil-€25 is-siegħa għal kull security. Meta tagħmel il-kalkoli, jekk fuq kull bastiment kien hemm medja ta’ 12-il security, dan ifisser €300 is-siegħa fuq kull vapur.

Kalkolu aprossimattiv juri li l-ispiza żgur qabżet in-nofs miljun ewro.

Jidher li dan id-direct order ingħata lill-kumpanija Kerber Ltd. li s-sid taghha hu Ronnie Axisa – persuna vicin ferm tal-PL.

Ikkummenta