Fix-Xandir tal-Istat qed tkompli tiddomina atmosfera tqila, fejn min hu tal-qalba donnu jista’ jagħmel li jrid u jgawdi minn promozzjonijiet u salarji għoljin, filwaqt li l-Management jipprova jagħti l-eżempju bil-ħaddiem iż-żgħir.
Bħalissa l-manuvri għal tal-qalba għaddejjin fl-aqwa tagħhom, fosthom billi żewġ eks preżentaturi tal-media Laburista u magħrufa sew fiċ-ċrieki interni tal-Partit Laburista mistennija jingħataw l-ogħla żewġ karigi fil-kumpanija.
Fil-fatt, sorsi mill-qalba tal-PBS u diversi ħaddiema urtati li tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw il-pjan tal-Gvern li jpoġġi lil Pablo Micallef bħala Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, assistit minn Quinton Scerri bħala d-Deputat Kap Eżekuttiv.
L-istess ħaddiema qed jistaqsu jekk dan hux it-terremot li kien wiegħed Robert Abela qabel kien elett Leader Laburista.
Minbarra preżentatur fuq il-media tal-Partit Laburista, Quinton Scerri kien ukoll is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar u kien imexxi l-kumpanija Laburista tat-telefonija ċellulari. Fix-Xandir tal-Istat, hu ilu minn Settembru li għadda f’kariga maniġerjali li għaliha qed jitħallas eluf kbar ta’ ewro.
Fil-fatt, is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon spjegaw li disa’ xhur ilu, Scerri nħatar bħala Manager tan-New Generation Media, għalkemm s’issa ħadd ma jaf x’inhu eżattament ix-xogħol tiegħu f’din il-kariga.
Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li m’humiex daqstant tal-qalba mhux qed jingħataw l-istess trattament favorevoli. Għax jidher li għall-ħaddiem iż-żgħir, qed tintuża’ kemm-il darba l-iskuża li l-kumpanija għandha “sitwazzjoni finanzjarja prekarja ħafna”.
Fil-fatt, is-sorsi spjegaw li qed jippruvaw jagħtu eżempju bil-ħaddiema ż-żgħar, anke jekk Laburisti wkoll. Fosthom Jason Caruana, li tkeċċa waqt li kien għadu fuq probation għax il-Management akkużah li uża l-apparat tal-kumpanija għall-użu personali tiegħu.
Min-naħa l-oħra, impjegat ieħor tkeċċa talli ddikjara mijiet ta’ sigħat f’overtime li ma ħadimx. Laurence Mamo, li ilu impjegat tax-Xandir tal-Istat mill-bidu tas-snin 80, kien imur l-Università darbtejn fil-ġimgħa għal sentejn sħaħ. Iżda dan kien jidħol għax-xogħol wara u jikteb id-differenza tas-sigħat f’overtime.
Investigazzjoni li saret dwaru, u li damet għaddejja għal madwar tliet xhur, uriet li Mamo ddikjara mijiet ta’ sigħat f’overtime, li fissru eluf ta’ ewro.
//= $special ?>