Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jaħtar Kummissjoni Kandidati

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Illejla l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, fuq proposta mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech għan-nom tal-Kunsill Amministrattiv tal-partit approva unanimament li tinħatar Kummissjoni Kandidati kif ġej. Il-Kumitat Eżekuttiv qed iwaqqaf Kummissjoni Kandidati li tkun komposta minn:

1) Colin Vella Bowman bħala Chairperson tal-Kummissjoni, u mill-membri
2) Dr Kris Borg
3) Rachel Azzopardi
4) Dr Joe Vella Baldacchino
5) Helen D’Amato
6) Dr Joe Bugeja, u
7) Dr Albert Bell

Il-President tal-Kunsill Amministrattiv huwa membru ex officio.

Il-funzjoni tal-kummissjoni hi li:

a) tidentifika żgħażagħ, nisa u rġiel f’kull lokal ta’ Malta u Għawdex li jkunu idonji u li jikkwalifikaw biex ikunu kandidati f’isem il-partit għal xi elezzjoni lokali, nazzjonali jew Ewropea;

b) tirriċerka f’kull settur ta’ ħidma kulturali, artistika, edukattiva, professjonali, kummerċjali, ekonomika, soċjali u kull vokazzjoni jew qasam ieħor ta’ xogħol fil-pajjiż bl-iskop li tidentifika żgħażagħ, nisa u rġiel li jkunu idonji u li jikkwalifikaw biex ikunu kandidati għal xi elezzjoni f’isem il-partit kif diġa’ imsemmi;

c) tirraporta lill-Kunsill Amministrattiv bir-riżultati tal-ħidma tagħha;

d) tassigura li jsir l-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta (due diligence) kif ukoll tagħmel l-aċċertamenti u l-apprezzzament meħtieġa dwar l-idonjetà ta’ kull persuna riferuta lilha mill-Kunsill Amministrattiv bħala persuna li tista’ tkun kandidata prospettiva f’xi elezzjoni f’isem il-partit u tissottometti r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kunsill Amministrattiv; u

e) tirraporta regolarment lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kumitat Eżekuttiv

Għall-finijiet ta’ dawn il-funzjonijiet persuna idoneja tfisser persuna b’karattru personali integru u onest, li l-unika motivazzjoni tagħha hi li tkun ta’ servizz għall-poplu u għall-ġid komuni tiegħu, kompetenti, u li tkun issodisfat l-eżerċizzju dwar diliġenza pruvata.

Il-Kumitat Eżekuttiv fl-istess laqgħa beda japprova statut ġdid tal-partit li jipprovdi għal Kummissjoni Kandidati bl-inkarigu preċiż li jissorvelja l-ħatra ta’ kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista, sabiex il-Partit Nazzjonalista ikun minn issa lest għal kull sfida elettorali li jista’ jkun hemm.