Futbol Sport Waterpolo

Imut Paul Falzon, persuna sinonima ma’ St. Andrews, il-futbol u l-waterpolo lokali

Il-futbol Malti jinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Paul Falzon fl-età ta’ 73 sena, persuna sinonima mal-klabb ta’ St. Andrews. Flimkien mal-eks President tal-MFA Norman Darmanin Demajo kienu fost il-persuni li ħolqu l-klabb ta’ St. Andrews u baqa’ involut fil-klabb sal-aħħar jiem ta’ ħajtu.

St. Andrews ġew promossi għall-Kampjonat Premier għall-ewwel darba fl-istaġun 1990/91. Falzon kien ukoll involut sew fl-amalgamazzjoni ta’ St. Andrews ma’ Birkirkara f’nofs is-snin disgħin, idea li għalkemm ma ħallietx il-frott mixtieq, salvat lil St. Andrews mill-possibbiltà li l-klabb jispiċċa. Hu baqa’ jżomm l-irwol ta’ chairman għal numru kbir ta’ snin u fl-aħħar snin il-klabb kien reġa’ rritorna fl-ogħla diviżjoni u dam erba’ staġuni, bl-istaġun li għadda mmilitaw fl-Ewwel Diviżjoni.

Legat li żgur se jħalli Falzon hi l-istruttura tal-klabb speċjalment fis-settur taż-żgħażagħ hekk kif illum in-nursery ta’ St. Andrews probabbilment tilqa’ fiha l-akbar numru ta’ tfal li jilagħbu l-futbol. Minbarra l-involviment attiv fil-klabb ta’ St. Andrews, Paul Falzon kien ukoll Membru tal-Kunsill kif ukoll tal-Eżekuttiv tal-MFA għal diversi snin.

Falzon kien ukoll gowlkiper prominenti fix-xena tal-waterpolo fis-snin 60 u 70 ma’ Valletta kif ukoll mat-tim nazzjonali. Hu kien persuna popolari fiċ-ċrieki tal-futbol u jibqa’ mfakkar għall-karattru ċajtier li kellu. Kondoljanzi lill-familja kollha u dawk viċin tiegħu