Għawdex Lokali Saħħa

Infermieri barranin fl-Isptar ta’ Għawdex jieħdu post infermieri Għawdxin li jaħdmu Malta

L-Isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

Il-Partit Nazzjonalista jerga’ jsostni li l-Gvern għandu immedjatament iwaqqaf il-kuntratt ma’ Steward Healthcare.

Fi stqarrija, f’isem il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Chris Said, Kevin Cutajar, Frederick Azzopardi u Stephen Spiteri, il-Partit Nazzjonalista qal li dak li qed jiġri bħalissa huwa prova oħra ċara ta’ xi żball enormi kien li l-uniku sptar f’Għawdex jiġi privatizzat.

Steward Healthcare fil-ħin li ġej se jimpjegaw numru ta’ nurses barranin. Dan se jwassal biex numru kbir ta’ nurses Għawdxin li jaħdmu f’Malta tispiċċalhom it-tama li xi darba jmisshom biex imorru jaħdmu Għawdex qrib il-familji tagħhom.

Dan kollu qed jiġri konsegwenza ta’ deċizjoni oxxena ta’ Gvern Laburista li jbiegħ is-saħħa tal-Għawdxin u taħt l-istess Gvern li wiegħed xogħol għall-Għawdxin kollha f’Għawdex stess.

Nappoġġjaw bi sħiħ l-pożizzjoni li ħadet l-MUMN dwar din il-kwistjoni. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa biex bla dewmien iwaqqaf il-kuntratt tal-privatizzazzjoni u jreġġa’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħala sptar pubbliku immexxi mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Sadanittant il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u ma jitterminax din l-oxxenità. Qed jibqa’ jilgħab logħba perikoluża bis-saħħa tal-Għawdxin. Qed jibqa’ jħalli lil xi ħadd jew xi wħud jistgħanew minn taħt minn fuq is-saħħa tal-Għawdxin.