Futbol Sport

Inizjattiva tal-YFA twassal biex il-gowlkiper Malti Rashed Al-tumi jiltaqa’ u jaħfer lil min għaddielu kumment razzist

F’dawn l-aħħar jiem spikkaw mhux ftit l-istejjer marbuta mar-razziżmu u fit-3 ta’ Ġunju f’pajjiżna, seħħ inċident li ġie rrappurtat mill-paġna ta’ Replay fuq facebook. Fi ftit ħin, l-aħbar inxterdet mal-media lokali kollha. Il-gowlkiper internazzjonali Malti Rashed Al-tumi kien mgħajjar b’mod razzjali b’kumment fuq facebook minn Manuel Pisani, uffiċjal tan-nursery ta’ San Ġwann. Għalkemm l-inċident ħalla effett negattiv fuq il-persuna, tant li tneħħa minn ma’ San Ġwann, Al-Tumi rċieva xita ta’ kummenti ta’ kuraġġ.

Għalkemm ir-razziżmu mhux f’postu fis-soċjetà tagħna, dak li seħħ ilbieraħ wassal messaġġ aktar b’saħħtu mill-istess inċident. B’inizjattiva tal-Youth FA flimkien man-nursery ta’ San Ġwann, Rashed Al-Tumi u Manuel Pisani ltaqgħu u tkellmu ma’ xulxin u bl-akbar maturità t-tnejn fehmu lil xulxin, biż-żagħżugħ Malti jaħfer lil Pisani.

Il-President tal-YFA Fr. Hilary Tagliaferro qal li r-razziżmu hu d-dnub tas-soċjetà u sostna li bħala assoċjazzjoni dejjem stmaw il-valuri bħala ħaġa importanti fl-iżvilupp tal-futbol taż-żgħażagħ. Is-Segretarju tal-YFA Joe Micallef faħħar ir-rieda taż-żewġ persuni li jiltaqgħu flimkien filwaqt li jittama li dan il-ġest iwassal messaġġ fost l-isportivi kollha.

Manuel Pisani b’irġulija, irrikonoxxa l-iżball li għamel bil-kumment tiegħu u żied li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jagħmel il-ħsara. Madankollu hu stqarr li għamel ħabib ieħor u awgura lil Rashed Al-Tumi fil-karriera tiegħu. Il-gowlkiper żagħżugħ ukoll wera maturità hekk kif jemmen li għalkemm kulħadd jista’ jiżbalja, daqstant ieħor kulħadd jista’ jiġi maħfur. Hu qal li dan il-ġest ikomplu jagħmillu kuraġġ biex ikompli jilgħab il-futbol.

Prodott ta’ Valletta, Al-tumi mhux biss hu Malti iżda meqjus bħala wieħed mill-iktar gowlkipers promettenti tant li jirrappreżenta lil Malta bħala parti mill-iskwadra nazzjonali. Dan apparti li hu wieħed mill-ftit plejers Maltin li jilagħbu barra minn xtutna. Preżenti wkoll iċ-chairman tan-nursery ta’ San Ġwann Vince Tanti li ppreżenta donazzjoni lil Rashed Al-Tumi f’ġest ta’ solidarjetà wara l-inċident. Dan l-episodju ħareġ il-ward fost ix-xewk u kompla juri kemm l-isport jista’ jgħaqqad nies bil-kelma t-tajba.

Ikkummenta