Edukazzjoni Lokali

“Jekk il-Gvern ma jgħinx lill-industrija, Malta mhux ser ikollha skejjel tal-Ingliż” – FELTOM

L-iskejjel tal-Ingliż jibdew jiftħu f’Lulju

Il-Federazzjoni ta’ l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż f’Malta (FELTOM) qed tħeġġeġ lill-iskejjel membri tagħha sabiex jerġgħu jibdew joperaw fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju bħala sinjal ta’ rieda tajba. Huma saħqu li huma konxji mis-sagrifiċċji finanzjarji sinifikanti li inevitabbilment dawn l-iskejjel se jkollhom isofru fiċ-ċirkostanzi preżenti.

FELTOM saħqu li qed jieħdu dan il-pass sabiex jirritornaw għal forma ta’ normalità madanakollu appellaw lill-Gvern sabiex jifhem li dawn l-iskejjel li ser jiftħu ser jagħmlu dan b’telf finanzjarju għan-negozji tagħhom.

Huma saħqu li ġaladarba l-Gvern ma jiggaratixxix pakkett ta’ salvataġġ ġust u meqjus sewwa u speċifiku għal din l-industrija, Malta jaf ma jkollhiex iżjed industrija fis-snin li ġejjin.

“Industrija mimlija inċertezzi u żmien limitat”

FELTOM spjegat li l-ħin huwa kontrihom u li l-aħbar li l-ajruport se jerġa’ jiftaħ tħabbret lill-pajjiż ġimagħtejn biss qabel u dan ħalla ftit żmien lill-iskejjel biex jibdew l-isforzi promozzjonali tagħhom; Sforzi ta’ promozzjoni li f’ċirkostanzi normali, jitwettqu fil-bidu tas-sena biex jiġi żgurat suċċess tas-sajf.

“Biex jibdew bil-promozzjoni tagħhom, l-iskejjel jeħtieġu l-ewwel jifformulaw il-pakketti u l-prezzijiet rispettivi tagħhom ibbażati fuq l-ispejjeż, li għandhom ikunu bbażati mhux biss fuq kemm hemm studenti prospettivi li jkunu mistennija jiġu Malta iżda wkoll skond il-miżuri li ser ikunu impost mid-direttorat tas-saħħa.”

FELTOM spjegat ukoll li ‘l fuq minn dawn l-inċertezzi, l-isforzi tas-suq f’dan l-istadju diġa huma tard u xorta se jkunu limitati ħafna u hemm dubji kbar jekk jaslux biex irendu n-numri mixtieqa biex almenu ma jkunx hemm telf, aħseb u ara profitt.

“Mid-19-il destinazzjoni kollha li se jkunu qed joperaw lejn Malta, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Isvizzera biss jistgħu jitqiesu bħala swieq ta’ alimentazzjoni xierqa għall-industrija ELT. Dan ifisser li n-numru ta’ studenti potenzjali tal-lingwa Ingliża li jiġu f’Malta se jitnaqqas b’mod drastiku, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li tradizzjonalment, l-akbar niċċa tas-swieq għall-iskejjel matul is-sajf dejjem kienu l-Italja, Spanja, Franza u r-Russja – pajjiżi li s’issa ma jidhrux fuq il-lista attwali tad-destinazzjonijiet li lejhom nistgħu nindirizzaw il-promozzjoni tagħna.”

“Diġà kellna skejjel li għalqu l-bibien tagħhom”

FELTOM saħqet ukoll li aspett importanti ieħor li għandu jkun kunsidrat huwa l-fatt li jekk l-iskejjel jiddeċiedu li jiftħu, ikollhom bżonn jibdew jikkunsidraw l-ispejjeż operattivi kollha li inevitabbilment jibdew jinġemgħu, mingħajr in-numri tal-istudenti biex jiġġustifikaw dan il-piż finanzjarju.

Fil-fatt, għalkemm l-iskejjel qed jiġu mħeġġa jiftħu, ftit minnhom diġà ddeċidew li jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba li l-operat se jkunu diffiċli wisq biex isostnuh.