Internazzjonali

Jeskalaw il-protesti nazzjonali waqt il-kriżi ekonomika tal-Libanu

Mijiet ta’ nies reġgħu ħarġu jipprotestaw fit-toroq tal-ibliet fost tensjoni kbira meta l-kambju tal-pajjiż qed jidher f’xifer ta’ kollass. Ir-rabja kompliet teskala u tinfirex wara li l-valur tal-Lira Lebaniża niżel għal baxx rekord. Fil-fatt, il-Lira tilfet madwar 70 fil-mija tal-valur minn Ottubru, meta kienu bdew il-protesti.

Il-Prim Ministru Lebaniż, Hassan Diab, laqqa’ lill-Kabinett b’urġenza biex jiddiskuti l-kriżi ekonomika li hi wkoll l-akbar waħda għal għexieren ta’ snin fil-Libanu.

Intant, id-dimostrazzjonijiet ta’ rabja dwar is-sitwazzjoni jidhru li rrankaw mill-ġdid wara l-kwiet relattiv (fil-pajjiż) dovut għal-lockdown fis-sitwazzjoni tal-coronavirus. Dan meta ħafna ċittadini Lebaniżi li jiddependu fuq il-flus li faddlu spiċċaw f’morsa ta’ faqar, bis-sitwazzjoni tagħhom tiggrava minħabba l-effetti tal-pandemija.

Il-qgħad fil-Libanu hu għoli u ħafna ħaddiema Lebaniżi qed jitħallsu bi flus lokali li tilef kull saħħa f’termini ekonomiċ,. Ħafna familji f’dan il-pajjiż bilkemm jaffordjaw li jixtru l-ikel u l-affarijiet bażiċi, bil-kaos domestiku qed jiżdied minn ġurnata għall-oħra.