Lokali

Jinħareġ il-permess tas-swimming pool ta’ Ian Borg

Jidher li l-Ministru Ian Borg se jgawdih is-Sajf. Dan hekk kif il-Kummissjoni tal-Ippjanar ħareġ il-permess biex Ian Borg jiżviluppa swimming pool f’zona rurali barra mill-iżvilupp.

Id-Direttorat tal-Ippjanar irrakkomanda li l-permess jinħareġ għaliex l-applikazzjoni se tuża art li kienet diġa żviluppata. Fil-fatt, is-swimming pool ta’ 40 metru kwadru se toqgħod ġo fossa li m’għadhiex tintuża u tneħħew l-istrutturi l-oħra li kienu se jinbnew fl-għalqa.

Il-post li żviluppa Ian Borg f’Santa Katerina fil-limiti tar-Rabat, ilu jiġbed l-attenzjoni sa ftit wara l-elezzjoni tal-2013 meta l-Awtorita’ tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni tiegħu biex jiżviluppa binja dilapidata f’ODZ u dawwarha f’residenza ta’ 400 metru kwadru. Iktar tard hu kien xtara art agrikola biswit id-dar għal €11,000 u fl-2018 kien ingħata l-permess biex l-art idawwarha fi swimming pool u zona ta’ rikreazzjoni. Il-Kummissjoni tal-Ippjanar kienet ħarġet il-permess iżda l-Qorti tal-Appell kienet dawwret id-deċiżjoni.