Futbol Sport

Jirritorna l-futbol fl-Italja permezz tal-Coppa Italia

(Ritratt: EPA)

Wara waqfa ta’ tliet xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus, bejn illejla u għada jirritorna l-futbol Taljan permezz tat-tieni leg tas-semifinali tal-Coppa Italia. Illejla fl-Allianz Stadium, Juventus jilqgħu lil Milan fl-ewwel semifinali.

Fl-ewwel leg f’San Siro,  Juventus kienu salvaw il-partita fl-aħħar minuti permezz ta’ penalty skorjat minn Cristiano Ronaldo wara li fil-61 minuta Ante Rebic kien tefgħa lil Milan fil-vantaġġ. Fit-tieni semifinali ta’ għada, Napoli jibdew b’vantaġġ minimu f’darhom wara li fl-ewwel leg għelbu lil Inter 1-0 permezz ta’ gowl tal-Ispanjol Fabian Ruiz.

Il-futbol Taljan kien ġie sospiż fid-9 ta’ Marzu wara li fl-Italja bdiet tgħolli rasha l-pandemija tal-coronavirus. Il-logħbiet kollha se jintlagħbu mingħajr partitarji filwaqt li se jkunu qegħdin jiġu segwiti l-istruzzjonijiet mediċi. Il-finali tal-Coppa Italia se ssir nhar l-Erbgħa fi Stadio Olimpico f’Ruma.