Futbol Sport

Juventus miżmuma f’darhom iżda se jilagħbu fil-finali tal-Coppa Italia l-Erbgħa li ġej

(Ritratt: EPA)

Juventus huma l-ewwel tim fil-finali tal-Coppa Italia minkejja li kienu miżmuma 0-0 fl-Allianz Stadium minn Milan. Il-Bianconeri għaddew wara d-draw ta’ 1-1 f’San Siro qabel waqaf il-futbol minħabba l-coronavirus. It-tim ta’ Maurizio Sarri naqas li jassedja l-lasta avversarja għalkemm kellhom il-maġġoranza tal-pussess tal-ballun.

Milan kellhom prestazzjoni pożittiva hekk kif minkejja li għamlu 75 minuta b’raġel anqas u bi plejers bħal Theo Hernandez, Samu Castillejo u Zlatan Ibrahimovic sospiżi, offrew sfida denja. Ovvjament in-nuqqas ta’ plejers fl-attakk għamilha diffiċli għalihom biex jippruvaw jiskorjaw.

Din kienet l-ewwel milgħuba fl-Italja minn wara li l-futbol kellu jieqaf minħabba l-Covid-19. Qabel il-logħba ġiet osservata minuta silenzju b’rispett lejn l-eluf ta’ persuni li tilfu ħajjithom kawża ta’ din il-pandemija.

L-aktar mumenti importanti tal-logħba seħħew fl-ewwel kwart tal-konfront. Douglas Costa resaq viċin wara żewġ minuti b’xutt djagonali fil-baxx li għadda ftit barra. Wara kwarta Juventus ingħataw penalty hekk kif ir-referee Daniele Orsato bl-għajnuna tal-VAR iġġudika li l-ballun ħabat ma’ id Andrea Conti fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu s-solitu Cristiano Ronaldo iżda x-xutt fil-baxx ħabat mal-lasta l-wieqfa.

Ftit sekondi wara, Milan sfaw jilagħbu b’raġel anqas meta Ante Rebic ġie muri karta ħamra diretta wara li għolla siequ u laqat lid-difensur Danilo. Kif mistenni, Juventus kellhom l-inizjattiva assoluta tal-logħba, iżda ma kinux ta’ periklu kbir għal Donnarumma.

Milan kellhom opportunità tajba fit-48 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Hakan Calhanoglu li għaddiet ftit barra. Juventus baqgħu fil-kmand tal-ballun iżda d-difiża ta’ Milan baqgħet kompatta u ħafna drabi bdiet tħalli lill-avversarji distakkati mil-lasta tagħhom. Fis-77 minuta, Simon Kjaer kellu daqqa ta’ ras li għaddiet barra u ftit wara fuq in-naħa l-oħra, Donnarumma dawwar f’korner darbtejn fuq konklużjonijiet ta’ Paulo Dybala u Adrien Rabiot.

Il-finali tal-Coppa Italia tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej 17 ta’ Ġunju fi Stadio Olimpico fid-9.00pm. Juventus hu l-aktar tim li rebaħ il-kompetizzjoni b’total ta’ 13-il suċċess.

Coppa Italia

Illum: Juventus v Milan  0-0 (Agg: 1-1)

Għada: Napoli v Inter 9.00pm (Napoli rebħu l-ewwel logħba 1-0)