Lokali Qorti

Keith Schembri involva ruħu minħabba l-ħbiberija tiegħu ma’ Yorgen Fenech – Theuma

“Yorgen Fenech qalli li Keith Schembri involva ruħu minħabba l-ħbiberija li huwa kellu miegħu. Schembri għalhekk kien jipprovdi l-informazzjoni, kif kien jagħmel ukoll l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta.

Ta’ min isemmi li meta Yorgen Fenech qal lil Schembri li kien hu li ordna li jseħħ id-delitt, Schembri kien kesaħ, u qal – ‘ma stajtx tgħidli xi ħaga agħar minn hekk’.

“Yorgen qalli li Keith Schembri daħal fiha ħabba fija (Yorgen). Pero’ qatt ma’ qalli li huwa mdaħħal fil-qtil. Jien iżda daħħaltha f’moħħi li lil Keith nitfgħu fl-istess keffa. Niftakar ukoll li qabel seħħ il-qtil kont wassalt lil Yorgen fid-dar ta’ Keith fil-Mellieħa.

“Yorgen qalli wkoll li Keith Schembri kien mar jitkixxef mal-Imħallef Mizzi minħabba ‘Ix-Xiħ’, kif konna nirreferu għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Jien kont għamilt suġġerimment lil Fenech biex imur ikellem lil Joseph Muscat, peress li Yorgen Fenech biċċa waħda miegħu, u i#da qalli li dak kien ikun l-akbar żball li seta’ jagħmel”.

Dan xehedu Melvin Thuema, s-sensar fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit meta kompliet il-kumpilazzjoni kontra t-tliet irġiel akkużati bl-omiċidju tagħha, Vincent Muscat ta’ 55 sena, magħruf bħala “il-Koħħu” u l-aħwa Alfred Degiorgio ta’ 55 sena u George Degiorgio ta’ 57 sena magħrufa bħala l-“Fulu” u “Iċ-Ċiniż” rispettivament.

Theuma qal ukoll li Yorgen u Johann Cremona kienu jgħidu li Chris Cardona kien involut fil-qtil. Madankollu huwa qal li qatt ma kellu kuntatt ma’ Cardona fuq il-qtil. “Jien, sinjura Maġistrat, persuna waħda naf, Yorgen Fenech ta’ Tumas. Hu qabbadni noqtolha.”

Ix-xhud instema’ jgħid b’vuċi għolja fir-recordings lil Fenech, “għidli x’se naqbad ngħidlhom li t-tlieta li qatlu lil Daphne, fuq il-libertà proviżorja? B’Fenech iwieġeb, “Ma tistax tibdel it-ton ta’ kif seħħew l-affarijiet, il-piż nieħdu kollu fuq spallti, wara kollox jien żbaljajt.”

Meta għat-tieni jum konsekuttiv komplew jinstemgħu aktar recordings ta’ Melvin Theuma, ħareġ li Yorgen Fenech kien qallu li kieku seta’ Keith Schembri kien jagħtiha n-nar lil Daphne Caruana Galizia, wara li kienet tellgħet blog post li tgħid li hu kellu marda terminali.

Fenech kien irrispondih billi qallu “kieku jien nwaddabha minn post għoli.”
F’aktar recordings, Yorgen Fenech jinstema’ jgħid lil Melvin Theuma li jekk jinqabdu, hu, jiġifieri Yorgen jieħu l-aktar piena ħarxa ta’ ħabs, imbagħad l-aħwa Degiorgio u warajhom Melvin Theuma.

Ħu l-aħwa Degiorgio, Mario Degiorgio kien bagħat messaġġ lil Melvin Theuma kollu theddid li kien ġej mill-aħwa akkużati f’dan il-qtil, il-messaġġ ta’ Mario – kien jgħid, “jekk jispiċċaw maqfula..kulħadd se jispiċċa bħalhom -‘Ġewwa huma, ġewwa kullħadd’,

Ix-xhud qal ukoll li Yorgen Fenech qallu li Vince Muscat kien tkellem ma’ priġunier ieħor li kien il-Qorti minħabba każ relatat mad-droga, dwar l-assassinju, u li l-priġunier l-ieħor kien lest jgħid lill-Pulizija dwar dak li qallu Muscat.

Skont Melvin, Yorgen Fenech kien lest iħallas €60,000 oħra lill-aħwa Degiorgio jekk jingħataw il-bail. Huma kellhom imbagħad jitrasferixxu l-flus f’kont bankarju barra minn Malta taħt isem omm il-mara ta’ George Degiorgio.

Recording ieħor ta’ konverżazzjoni bejn Theuma u Fenech li saret fl-uffiċju ta’ Fenech, f’Level 21, Portomaso, fejn Fenech jinstema’ jgħid li hu kellu għalxiex jinkwieta, u meta mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud għalfejn qal hekk, Theuma wieġeb għax “hu qabbadni.”

Pero’ Theuma fl-aħħar mill-aħħar qal li kien hu li beda jibża’ li t-tliet akkużati kienu se jikxfu lilu għax huma lilu kienu jafu. Theuma qal li kien tkellem ma’ Alfred Degiorgio u dan qallu li ried €150,000, €30,000 bil-quddiem u l-€120,000 l-oħra wara l-qtil. Qal li Yorgen Fenech kien tah €150,000 fi flus kontanti f’daqqa. Dan meta kien mar iwasslu l-ajruport fejn kien ħareġ envelop u qallu ‘hawn għandek il-flus’.

Theuma qal li minn meta arrestaw lill-aħwa Degiorgio ħajtu kienet spiċċat. Spiċċa jixrob il-ħin kollu. Darba fuq l-aħbarijiet kienu rrappurtaw li qed jissuspettaw fuq bniedem imdaħħal fil-betting u negozju kbir u hemm aktar inkwieta.

Ix-xhud qal ukoll li darba meta kien fir-razzett, Yorgen qallu biex lill-aħwa Degiorgio jarmihom ‘l hemm. “Jiena ħadtha bi kbira. Għedtlu issa trid tarmihom ‘l hemm? Insejt kemm-il darba kont tibagħtni għandhom għax ħa tilħaq toħroġ l-informazzjoni?”

Wara li nstemgħu għadd ta’ recordings l-Assistent Avukat Ġenerali. Philip Galea Farrugia qal lill-Qorti li hemm aktar recordings ta’ Melvin Theuma, li dawn iżda se jinstemgħu fil-ġuri tat-tliet akkużati.

Il-kumpilazzjoni tkompli nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju fil-11.00am. fejn espert tal-Qorti mistenni jippreżenta xi dokumenti. L-avukati William Cuschieri u Mark Sant qegħdin jidhru għall-akkużati. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile filwaqt li
l-Ispettur Keith Arnaud qed imexxi l-Prosekuzzjoni.