Lokali Qorti

Keith Schembri ordnat jixhed fil-Qorti b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Ritratt: Melvin Theuma flimkien ma' Keith Schembri f'Kastilja.

L-eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, ġie ordnat jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech – in-negozjant akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Schembri kellu jixhed f’dan il-każ lura fis-27 ta’ Marzu madanakollu l-Qrati laħqu ngħalqu wara li feġġet il-pandemija tal-Covid-19 f’Malta.

Madanakollu Keith Schembri mhux mistenni jixhed fis-seduta li jmiss skedata għall-15 ta’ Ġunju, iżda ser ikun qed jixħed sat-22 ta’ Ġunju massimu.

Fis-seduta li jmiss mistenni jixhed Johann Cremona, direttur ta’ kumpanija tal-gaming, li ssemma kemm-il darba mill-middleman Melvin Theuma. Dan filwaqt li t-Tabib Adrian Vella u l-eks uffiċjal tas-sigurtà tal-OPM Kenneth Camilleri mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom aktar tard.

Adrian Vella huwa t-tabib kemm ta’ Fenech kif ukoll Schembri fejn allegatament aġixxa bħala middleman huwa nnifsu bejniethom it-tnejn meta dan tal-aħħar kien fuq police bail.

Dan filwaqt li Yorgen Fenech sostna li Keith Schembri huwa ħabib kbir tiegħu tant li jqisu bħala ħuħ. Schembri kkonferma taħt ġurament li huma kienu ħbieb fejn saħansitra siefru flimkien.