Lokali

Korruzzjoni bla kontroll skont stħarriġ tal-Ewrobarometru

Appell lill-Gvern għal bidla fl-attitudni, biex ma jkomplix inawwar il-fiduċja pubblika u r-reputazzjoni ta’ Malta

Il-Kummissjoni Ewropea ppublikat Eurobarometru ffukat fuq il-korruzzjoni fil-pajjiżi Ewropej. Dan l-istħarriġ jagħti stampa inkwetanti ferm fuq Malta fejn 89% tal-poplu jħoss li l-korruzzjoni hija mifruxa ħafna, dan b’żieda ta’ 10% fuq l-aħħar stħarriġ.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li minbarra dan, l-istħarriġ juri biċ-ċar ukoll il-kriżi ta’ fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jipproteġu u jaqdu l-istess poplu, l-pulizija u l-qrati, fejn il-Maltin jafdaw lil dawn l-istituzzjonijiet ferm anqas milli kienu fil-passat.

L-istqarrija ffirmata minn Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku tgħid li l-Prim Ministru Robert Abela tilef l-okkażjoni li jaqleb il-folja fuq ir-reġim korrott ta’ Joseph Muscat u baqa’ għaddej bl-istess attitudni leġġera fir-rigward tal-korruzzjoni u l-etika politika, bla mistħija anke ma’ sħabna l-pajjiżi Ewropej.

Dan rajnih b’mod evidenti fil-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew fejn wara li ttitubajna għal xhur sħaħ għandniex nissieħbu f’din l-inizjattiva, li tiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni, issa qed inżommu lura t-tnedija ta’ dan l-uffiċċju għax għadna ma nnominajniex il-membri Maltin fil-bord tal-uffiċċju. Dan l-istħarriġ huwa twissija oħra lill-Gvern li m’għandhiex terġa’ taqa’ fuq widnejn torox u biex jindirizza din il-kriżi ta’ fiduċja fil-istituzzjonijiet, il-Gvern irid jirrealizza li ma jistax jerġa’ jinnomina Kummissarju tal-Pulizija waħdu, iżda jrid jinvolvi wkoll lill-Oppożizzjoni fi proċess miftuħ u onest.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-fiduċja fl-istituzzjonijiet qed titnawwar b’kull deċiżjoni ambigwa tal-Gvern. Wasalna f’punt li diffiċli nerġgħu lura minnu. L-Oppożizzjoni se żżomm lill-Gvern Laburista responsabbli ta’ din il-ħsara fil-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet Maltin.