Lokali Qorti

Kumpens lill-familjari fuq qtil fuq parkeġġ li kien seħħ 20 sena ilu fiż-Żurrieq

Il-familjari ta’ raġel li 20 sena ilu nqatel fiż-Żurrieq ingħataw kumpens ta’ €63,000 mill-Qorti. L-inċident kien seħħ fis-6 ta’ Awwissu tal-1999, għall-ħabta tal-11.00 p.m., fi Triq Fortunato Dalli.

Raymond Camilleri kien qatel lil Christopher Camilleri, li kellu 24 sena wara li dan kien ipparkja il-karozza tiegħu quddiem id-dar ta’ Raymond Camilleri, li kien għadda ġuri fuq il-qtil. Huwa kien jipparkja f’dan il-post kull meta kien imur iżur it-tfajla tiegħu li kienet tgħix fl-istess triq.

Raymond Camilleri, li dak iż-żmien kellu 43 sena, kien qal lil Christopher Camilleri li ma kienx qed jieħu gost b’dan kollu. Dak inhar stess Christopher Camilleri mar lura lejn il-karozza tiegħu u ra li Raymond Camilliri jirriversja l-karozza għal fuq tiegħu.

Huwa kien mar fuqu u heddu li jaħraqlu l-karozza u tah daqqa ta’ ponn u spiċċa bi driegħu tax-xellug fi-ġips. Kien hawn li Raymond Camilleri kien daħal fil-garaxx tiegħu, ħareġ b’senter u kif rah li se jaħrab sparalu u laqtu.

F’ġuri huwa kien ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li l-ġurati sabuh ħati tal-qtil tiegħu iżda kien skużat minħabba li aġixxa permezżz ta’ self defence minħabba l-biża’.

Raymond Camilleri, kien instab ħati ta’ pussess illegali tas-senter li spara bih lil Christopher Camilleri. Kienet ittieħdet kunsiderazzjoni wkoll tar-rekord kriminali nadif ta’ Raymond Camilleri.

Kienu ħut il-vittma li rebħu €63,000 kumpens, Emanuel u Antonia Camilleri kif ukoll uliedhom Aaron, Simon, Mary Gracy, Gino u Miram li kienu bdew proeċeduri legali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Raymond Camilleri fejn talbu kumpens talli dan qatlilhom lil ħuhom Christopher.

Il-kawża nstemgħet mill-Imħallef Joseph Micallef fejn dan għamilha ċara li l-vittma kellu sehem għal dak li ġara minħabba t-theddid tiegħu imma daqstant ieħor l-imġieba tal-ħati li kienet sproporzjonata. Kien għalhekk li ngħata l-kumpens għal dan il-qtil.