Internazzjonali

L-aħħar żviluppi tal-pandemija madwar id-dinja…

Il-First Lady tal-Ukrajna, Olena Zelenska (ritratt), ittestjat pożittiv għall-coronavirus. L-aħħar aġġornamenti minn Kiev qalu li l-mara tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed iħossha tajba u mhix qed tbati minn xi sintomi.

Il-President Zelensky u ż-żewġ ulied tal-koppja kollha testjaw negattivi. Aktar kmieni fil-ġimgħa, il-President tal-Ukrajna żvela li kien spiċċa mmultat wara li, fil-bidu tax-xahar, abbuża r-regoli tal-lockdown fil-pajjiż.

Il-Prodott Gross Domestiku (GDP) tar-Renju Unit naqas b’20.4 fil-mija f’April u li jirrifletti l-akbar daqqa ‘l isfel mindu bdew ikunu reġistrati r-rekords għal kull xahar, fl-1997.

Sadanittant, il-linji tal-ajru British Airways, Ryanair u Easyjet qalu li qed jikkuntestaw legalment il-politika ta’ kwarantina li l-Gvern Britannika qed jinsisti dwarha fil-preżent.

Filwaqt li applikaw għal reviżjoni ġudizzjarja mill-Ogħla Qorti tal-pajjiż, il-linji qed jgħidu li l-politika għall-kwarantina attwali għandha tħalli impatt devastanti għat-turiżmu u l-ekonomija b’mod ġenerali, bil-konsegwenza li jintilfu l-eluf tal-impjiegi.

In-Nazzjonijiet Uniti qed twissi li l-kriżi tal-coronavirus ħolqot kriżi li permezz tagħha, miljuni ta’ tfal madwar id-dinja jistgħu jispiċċaw jaħdmu minn età żgħira ħafna, f’sitwazzjoni estiża ta’ child labour.

Ir-reġjun tal-Amerika Latina issa reġistra ‘il fuq minn 1.5 miljun infezzjoni bil-Covid-19, bl-imwiet madwar il-pajjiżi tal-kontinent jaqbżu s-70,000.

Fl-Indja, teżisti sitwazzjoni fejn il-pazjenti mhumiex qed ikunu aċċettati fl-isptarijiet – u meta l-uffiċjali qed iwissu li l-kriżi tal-coronavirus fil-pajjiż għadha ma laħqitx fl-eqqel tagħha.

Skont l-aħħar statistika, hemm 7.5 miljun każ tal-coronavirus madwar id-dinja u ‘il fuq min 420,000 mewta fuq rata globali. Iċ-ċifri kienu provduti mill-Johns Hopkins University ta’ Baltimore, fl-Istati Uniti.