Lokali

L-anzjani fir-residenza f’Bormla reġgħu magħluqin fi kwarantina

Konfużjoni u anzjani mbeżża’ fid-Dar tal-Anzjani tal-Gvern ta’ Bormla hekk kif għal xi raġuni qed jiġu ttestjati l-anzjani kollha f’din ir-residenza.

Jidher li aktar kmieni llum, ir-residenti kollha bdew jiġu ttestjati għall-Covid-19, wara li anzjana ta’ 98 sena fl-istess residenza ttestjat pożittiv għall-virus.

L-anzjani, inkwetati u ħafna minnhom imbeżża’, meta staqsew għar-riżultat tagħhom, intqalilhom li dan se jkun qed jingħatalhom għada, u minħabba hekk issa huma reġgħu ingħalqu fi kwarantina fil-kmamar tagħhom.

Tant hu hekk li ħaddiema tar-residenza qed jikkuntattjaw lill-qraba tal-anzjani u jgħidulhom li għalissa ma jistgħux iżuru lill-anzjani tagħhom, lanqas minn barra.