Lokali

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tressaq private member’s bill biex tintemm id-diskriminazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjoni d-deċiżjoni li ngħatat illum mill-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza dwar klawsola diskriminatorja fil-liġijiet Maltin.

Hekk sostnew il-Membru Parlamentari Nazzjonalista u Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigieg u l-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fejn saħqu li din id-deċiżjoni għandha twassal biex darba għal dejjem tintemm id-diskriminazzjoni kontra nisa li jersqu biex jagħmlu kuntratt.

Huma saħqu li sal-lum mara li tagħmel kuntratt tintalab tispeċifika x’inhu l-istatus tagħha. Dan l-obbligu hu impost fuq in-nisa biss u l-irġiel m’humiex mitluba li jiddikjaraw l-istatus tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista kien ilu jsejjaħ għal tibdil fil-liġi, iżda qatt ma ttieħdet azzjoni. Il-Partit Nazzjonalista se jkun hu li permezz tal-Kelliema għall-Ugwaljanza se jkun qed iressaq Private Member’s Bill biex tintemm din id-diskriminazzjoni. Din se tkun inizjattiva oħra li se jieħu l-Partit Nazzjonalista, li bħalma għamel anke f’dawn l-aħħar xhur, ħa inizjattivi sabiex tissaħħaħ l-ugwaljanza u jieqfu azzjonijiet li jiddiskriminaw bejn persuna u oħra.